European Economic
and Social Committee
Flimkien insawru l-futur
Għeżież qarrejja,
F’din il-ħarġa, nixtieq naqsam magħkom l-impenn profond tal-Kumitat tagħna biex nixprunaw il-bidla u nimmobilizzaw is-soċjetà ċivili biex insawru l-futur tal-Ewropa.
Bħala Viċi President għall-Komunikazzjoni, esperjenzajt personalment is-saħħa trasformattiva li tinsab fi ħdan l-istituzzjoni tagħna. Hija saħħa li l-għeruq tagħha jinsabu fil-kapaċità tagħna li mhux biss nidentifikaw kwistjonijiet kritiċi, iżda wkoll li nservu ta’ ispirazzjoni għal azzjoni kollettiva.
Din is-sena, il-KESE uża din is-saħħa biex jiffoka fuq żewġ oqsma urġenti: il-konservazzjoni tal-ilma u l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss.
Fl-2023, l-ilma, l-essenza tal-ħajja fuq il-pjaneta tagħna, kellu rwol ċentrali fl-aġenda tal-Kumitat tagħna. Il-KESE qed iwitti t-triq bħala l-ewwel istituzzjoni tal-UE biex il-kwistjonijiet b’rabta mal-ilma jingħataw prijorità permezz ta’ strateġija komprensiva tal-UE dwar l-ilma li tiffoka fuq is-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma nadif, il-valutazzjoni korretta tal-ilma għall-benefiċċju ta’ kulħadd, l-indirizzar ta’ kunflitti potenzjali li jirriżultaw minn kwistjonijiet tal-ilma u l-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-ilma.
L-inizjattiva tagħna dwar il-Patt Blu tal-UE bħalissa tgawdi minn appoġġ mill-Parlament Ewropew flimkien ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin fil-qasam. F’Settembru, l-ittra ta’ intenzjoni tal-President Ursula von der Leyen dwar l-Istat tal-Unjoni enfasizzat “Ir-Reżiljenza tal-Ilma” bħala prijorità ewlenija għall-2024 u ħabbret inizjattiva ġdida dwar l-ilma skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan juri rikonoxximent dejjem jikber tal-importanza tal-ilma u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni kuraġġuża biex jiġu indirizzati l-isfidi b’rabta mar-riżorsi tal-ilma tagħna.
Aħna ninsabu impenjati li niżguraw li l-ilma jibqa’ abbundanti u aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin u li naħdmu flimkien mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili. Is-sħubija tagħna ma’ Ewa Ewart u l-film qawwi tagħha, “Until the Last Drop,” tirriżulta mill-konvinzjoni tagħna li l-ġlieda biex nibżgħu għall-ilma tmur lil hinn mill-konfini u teħtieġ azzjoni kollettiva, li tinvolvi organizzazzjonijiet tal-ilma, artisti u individwi bl-istess mod.
B’ħarsa ’l quddiem, l-attenzjoni tagħna ddur lejn l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Dawn l-elezzjonijiet mhumiex biss eżerċizzju demokratiku; dawn huma opportunità biex is-soċjetà ċivili tinfluwenza l-politika u ssawwar il-futur tal-kontinent tagħna. Għal dan il-għan, id-Direttorat tal-Komunikazzjoni tal-KESE diġà qed jaħdem mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE u speċjalment mad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew, li b’mod regolari ninvolvu ruħna u naħdmu miegħu.
Għal dan il-għan, qed inħejju għas-Seminar Nikkollegaw l-UE fi Bratislava fit-23-24 ta’ Novembru intitolat L-Elezzjonijiet Ewropej 2024: għaliex se nivvutaw? fejn se nesploraw strateġiji biex nimmobilizzaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u niżguraw li l-membri tagħhom joħorġu jivvutaw bi ħġarhom. Aħna nqisu l-mobilizzazzjoni bħala responsabbiltà ċivika kondiviża, u ninsabu impenjati li ninvolvu ruħna b’mod attiv f’dan il-proċess biex nixprunaw bidla pożittiva u niżguraw li l-vuċijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw widen u jiġu apprezzati.
F’dan il-kuntest ta’ mobilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej biex joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju, is-seminar se jikkostitwixxi pjattaforma b’saħħitha li tiffoka fuq l-involviment ma’ firxa ta’ atturi tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu mistiedna jattivaw in-networks, il-kuntatti u l-partijiet interessati tagħhom għal din il-mobilizzazzjoni fi spirtu ta’ kultura ta’ djalogu.
Nistedinkom tingħaqdu magħna f’dan il-vjaġġ u tgħinuna nagħmlu differenza. Flimkien, nistgħu noħolqu futur aktar sostenibbli u ekwu għal kulħadd.
Laurenţiu Plosceanu
, Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni