European Economic
and Social Committee
Sena ta’ gwerra fl-Ukrajna
Fl-24 ta’ Frar 2022, meta bdiet il-gwerra fl-Ukrajna, aħna fil-KESE mill-ewwel ikkundannajna l-invażjoni mhux ġustifikata u mhux provokata tal-Ukrajna mill-gvern Russu.
Tul din l-aħħar sena esprimejna s-solidarjetà tagħna mal-poplu Ukren f’diversi modi, u tlabna li jittieħdu azzjonijiet kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali. Jien kburi bil-Kumitat u bil-ħidma kbira tiegħu biex jivvaluta l-konsegwenzi tal-gwerra fuq il-poplu u n-negozji Ukreni u Ewropej u kif l-aħjar jiġu appoġġjati l-Ukrajna u s-soċjetà ċivili tagħha.
Adottajna żewġ riżoluzzjonijiet b’saħħithom u t-tielet waħda għandha tiġi adottata fil-plenarja ta’ Frar. L-ewwel riżoluzzjoni, li għaddiet f’Marzu 2022, kienet tikkonċerna l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-gwerra. It-tieni riżoluzzjoni, li għaddiet f’Ġunju, kellha l-għan tħares ’il quddiem billi tiffoka fuq l-għajnuna ta’ wara l-gwerra u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. B’mod partikolari, il-KESE appella lill-UE biex tagħti status ta’ kandidat lill-Ukrajna – deċiżjoni li l-Kunsill ħa ftit jiem wara. Ftaħna wkoll il-bibien tagħna għar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ukreni, bħal Promote Ukraine, bi spazju għall-uffiċċji u appoġġ loġistiku u amministrattiv.
Il-gwerra fl-Ukrajna ser tibqa’ prijorità ewlenija għall-Ewropa. Nittamaw li dalwaqt se nkunu nistgħu nibdew naħdmu fuq ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, li trid tkun sostenibbli, trasparenti, ekoloġika u diġitali. Għall-irkupru se jkun jeħtieġ involviment ġenwin tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn.
Minkejja n-niket, id-dwejjaq, ir-rabja u l-uġigħ, li jeħtieġ li jinstemgħu u jkunu rikonoxxuti, inħossni profondament emozzjonata nara s-saħħa tal-poplu Ukren, nara t-tama, il-kuraġġ u r-reżiljenza tagħhom. Rajna wkoll lin-nies, lin-negozji u lill-komunitajiet madwar l-Ewropa juru l-appoġġ u s-solidarjetà tagħhom għall-poplu tal-Ukrajna.
Fid-dibattitu fil-plenarja tagħna ta’ Jannar, Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew, iddikjarat: “Bla heda, l-Ukrajna qed tiġġieled għad-demokrazija, il-libertà u l-ġustizzja. U tiġġieled għalina wkoll”. Naqbel kompletament. L-Ewropa tista’ tkun sikura biss jekk l-Ukrajna tkun ħielsa u demokratika.
Christa Schweng
President tal-KESE