European Economic
and Social Committee
Is-sena ta’ għajxien b’solidarjetà: It-tagħlimiet meħuda mill-impenn soċjali kontra l-COVID mill-perspettiva tal-Kamra tal-SMEs ta’ Malta
KESE Info staqsa lill-Kamra tal-SMEs ta’ Malta, rebbieħa tal-Premju tal-KESE għas-Solidarjetà Ċivili, biex tgħid lill-qarrejja tagħna kif oriġina l-proġett, kif in-nies irrispondew għalih, u kif il-flus tal-premju se jgħinu biex din l-organizzazzjoni tikber. F’din l-intervista, il-mistoqsijiet tagħna jingħataw tweġiba minn Fabian Demicoli, Kap tal-Komunikazzjoni u l-Affarijiet tal-UE, fi ħdan il-Kamra tal-SMEs ta’ Malta. F’din l-intervista, il-mistoqsijiet tagħna jingħataw tweġiba minn Fabian Demicoli, Kap Affarijiet u Komunikazzjoni tal-UE, Kamra tal-SMEs ta’ Malta.
X’ħeġġeġ lill-organizzazzjoni tibda l-proġett jew l-inizjattiva?
Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat lil kulħadd iżda b’mod partikolari lin-negozji. Fil-bidu tal-pandemija, ħafna min-negozji f’Malta kienu sfurzati jagħlqu n-negozju tagħhom u dan wassal għal inċertezzi kbar fosthom: kif kienu se jħallsu l-pagi? kif setgħu jassiguraw is-saħħa tal-ħaddiema? x’jiġri f’każ ta’ kwarantina? x’kien se jiġri min-negozju? u ħafna aktar mistoqsijiet. Għalhekk, il-Kamra tal-SMEs ta’ Malta impenjat ruħha li taqleb is-servizzi kollha online biex tassisti lin-negozji bl-aħjar mod possibbli.
Kif intlaqa’ l-proġett? Kien hemm feedback min-nies li għenukom? (Tista’ tagħtina xi eżempju, jekk għandek?)
Fost is-servizzi li offrejna, apparti kuntatt kontinwu b’diversi mezzi biex inżommu n-negozji aġġornati bit-tibdiliet li kien qed ikun hemm kull siegħa, organizzajna wkoll sensiela ta’ webinars informattivi dwar diversi aspetti: kif negozju jista’ jagħmel użu minn skemi ta’ għajnuna, informazzjoni dwar il-liġi tax-xogħol u għajnuna għan-negozjanti mill-aspett tas-saħħa mentali.
Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna fil-komunità? Diġà qed tippjanaw proġetti ġodda?
Il-finanzjament se jintuża biex inkomplu nsaħħu l-kuntatt tagħna mal-membri waqt li, fiż-żmien li nkunu qed nirkupraw mill-pandemija, noffru aktar servizzi biex in-negozji jerġgħu jqumu fuq saqajhom u ngħinuhom jagħmlu dan.
X’parir tagħtu lil organizzazzjonijiet oħra sabiex jiksbu riżultati permezz ta’ attivitajiet u programmi bħal dawn?
Organizzazzjonijiet oħra għandhom iżommu kuntatt kontinwu mal-membri kif għamlet il-Kamra tal-SMEs ta’ Malta, għaliex b’hekk wieħed ikun jista’ jifhem il-ħtiġijiet tagħhom f’dak il-mument u jaġġorna s-servizzi li l-organizzazzjoni toffri skont il-bżonn. B’hekk, tkun qed tilħaq il-miri tagħha, u l-membri jkunu kuntenti. Fil-fatt, 90% tal-membri tagħna wieġbu li kienu sodisfatti bl-assistenza tal-Kamra tal-SMEs ta’ Malta.