Il-KESE appella lill-Istati Membri tal-UE biex iżidu l-isforzi tagħhom u jimplimentaw id-Direttiva tal-UE li tipprevedi sanzjonijiet kontra l-impjegaturi ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza irregolari. F’Opinjoni adottata reċentement, il-KESE wissa dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni difettużi tad-Direttiva fl-UE kollha.

Peress li ħafna drabi huwa sors ta’ sfruttament tal-ħaddiema, l-impjieg ta’ migranti b’residenza illegali huwa wkoll fattur ta’ attrazzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali; kull sena, dan jaħsad il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni li jibdew vjaġġi perikolużi biex jaslu fl-Ewropa. Il-KESE jgħid li ż-żewġ prattiki kriminali għandhom jiġu indirizzati b’azzjoni deċiżiva fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE enfasizza li s-severità tas-sanzjonijiet tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ftit li xejn jiskoraġġixxu lill-imjegaturi milli jimpjegaw ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali. 

Nuqqas ieħor tad-Direttiva huwa l-inabbiltà tagħha li tħeġġeġ lill-migranti jressqu lmenti uffiċjali kontra l-impjegaturi. Dan huwa minħabba l-biża’, ħafna drabi ġustifikata u leġittima, tal-migranti li jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Aħna nappoġġjaw bil-qawwa lill-Kummissjoni meta tgħid li se tniedi proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri jekk dawn xorta jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi ewlenin li jirriżultaw mid-Direttiva fir-rigward tas-sanzjonijiet, l-ispezzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti, qal ir-relatur tal-Opinjoni, Carlos Manuel Trindade

F’Opinjoni oħra, il-KESE analizza l-Pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali (2021-2025). Huwa laqa’ l-approċċ komprensiv tiegħu għal din il-kwistjoni, u faħħru bħala l-kontinwazzjoni tal-ħidma tiegħu fil-ġlieda kontra din l-attività perikoluża u kriminali. Skont ċifri tal-Europol, aktar minn 90 % ta’ dawk li daħlu fl-UE b’mod illegali, f’xi punt vjaġġaw permezz tan-networks għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali.

Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali hija meqjusa bħala prijorità taħt il-Patt il-Ġdid tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, peress li ħasdet il-ħajja ta’ migranti nisa, tfal u rġiel. Din tikser id-drittijiet tagħhom u tieħu vantaġġ minn dawk li jippruvaw jidħlu fl-UE. Hija wkoll theddida għas-sigurtà Ewropea.

Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali qatt ma tista’ tiġi diretta kontra l-migranti nfushom jew kontra l-għajnuna li jingħataw u dik umanitarja. Ma jridx ikun hemm kriminalizzazzjoni tas-solidarjetà, qal ir-relatur tal-Opinjoni José Antonio Moreno Diaz. Aħna nifhmu li s-salvagwardja tal-fruntieri esterni tal-UE hija prijorità, iżda dawn għandhom dejjem jiġu mħarsa b’rispett għad-drittijiet tal-bniedem.