European Economic
and Social Committee
Il-KESE jipprovdi riċetta għas-sigurtà u s-sostenibbiltà alimentari
Fl-Opinjoni dwar Is-sigurtà alimentari u sistemi tal-ikel sostenibbli , li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tad-19 ta’ Jannar 2022, il-KESE identifika l-mezzi ewlenin għall-produzzjoni sostenibbli u kompetittiva tal-ikel fl-UE, biex titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet u tiżdied l-awtonomija tal-UE fil-proteini.
Biex politika tal-ikel komprensiva tkun tassew rilevanti għall-konsumaturi Ewropej, huwa essenzjali li l-prezz u l-kwalità tal-ikel prodott b’mod sostenibbli fl-UE jkunu kompetittivi. Dan ifisser li s-settur agroalimentari Ewropew huwa kapaċi jwassal l-ikel għall-konsumaturi bi prezzijiet li jinkludu spejjeż żejda għal kriterji bħalma huma s-sostenibbiltà, it-trattament xieraq tal-annimali, l-ispejjeż ogħla tal-input, is-sikurezza alimentari u l-valur nutrizzjonali, iżda wkoll redditu ġust għall-bdiewa, u fl-istess ħin iżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala l-għażla ppreferuta għall-parti l-kbira tal-konsumaturi.
Għalkemm il-Patt Ekoloġiku Ewropew joffri opportunità biex jiġi affermat mill-ġdid il-“kuntratt soċjali tal-ikel” bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha permezz tal-prinċipji stabbiliti fl-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u fl-Istrateġija għall-Bijodiversità, għad hemm ħafna xi jsir. “Il-Kummissjoni tipproponi ftit wisq azzjonijiet konkreti biex issaħħaħ is-settur agroalimentari u l-introjtu tal-bdiewa u tal-ħaddiema, u biex tippromovi prezzijiet ġusti u l-valur tal-ikel”, enfasizza l-korelatur, Peter Schmidt.
Kif ġie enfasizzat mir-relatur tal-Opinjoni, Arnold Peuch d’Alissac, “...it-trawwim ta’ awtonomija strateġika miftuħa, l-iżgurar ta’ reċiproċità tal-istandards kummerċjali, il-promozzjoni tar-riċerka, it-titjib tad-diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi u żrieragħ u l-iffaċilitar tal-aċċess għat-taħriġ tal-bdiewa fir-rigward ta’ dawn it-teknoloġiji huma fost il-mezzi ewlenin biex tiġi salvagwardata l-kompetittività tal-produtturi Ewropej”.
It-titjib tal-produzzjoni tal-UE ta’ legumi, bus u ħemes b’kontenut għoli ta’ proteini u ta’ żrieragħ żejtnin u ta’ pasta taż-żrieragħ żejtnin ikun ta’ benefiċċju għall-bdiewa tal-UE u jkollu impatt pożittiv fuq il-klima, il-bijodiversità u l-ambjent. (mr)