Ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu differenza

Għeżież qarrejja,

Settembu qisu sena ġdida għalija. Ħafna aktar minn Jannar. Settembru jimmarka t-tmiem tal-waqfa tas-sajf u ritorn għar-rutini ta’ xogħol, laqgħat, vjaġġar jew skola. Din is-sena dan qed inħossu saħansitra aktar mis-soltu. Ir-rati tat-tilqim qed jagħtuna tama li nerġgħu nivvjaġġaw madwar ir-reġjuni tagħna u l-kontinent tagħna. Ġew introdotti normi kulturali ġodda ta’ mġiba u prattiki tal-iġjene biex jagħtuna l-possibbiltà ta’ bidu ġdid.

Ix-xahar id-dieħel inkunu diġà għalaqna sena minn dan il-mandat ġdid għall-KESE. Madankollu, ħafna membri għadhom se jkunu qed iżuru l-bini tagħna fi Brussel għall-ewwel darba dan ix-xahar u x-xahar ta’ wara.

Jinħass sens ta’ aspettattiva u opportunità. Is-soċjetà ċivili għandha bżonn issemma’ leħinha u tinstema’ b’mod ċar. Huwa hawn li l-KESE jista’ jkompli jagħmel differenza.

Iffaċċjajna 18-il xahar diffiċli minħabba din il-pandemija. Iffaċċjajna sajf diffiċli bid-devastazzjoni f’ħafna partijiet tal-Ewropa bħala konsegwenza diretta tat-tibdil fil-klima. It-traġedija tal-għargħar estrem irriżultat f’telf ta’ ħajjiet (intilfu 210 ħajja, l-aktar fil-Ġermanja) u tfixkil kbir fil-ħajja tan-nies. Kien hemm ukoll ħsarat u telf ta’ ħajjiet minħabba l-għargħar fil-Belġju, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Iżvizzera.

L-Italja u, b’mod partikolari, il-Greċja ġarrbu nirien tal-foresti kkaġunati mill-kundizzjonijiet ta’ nixfa tal-art. Fil-Greċja ntlaħqet temperatura straordinarja ta’ 47,1 grad Celsius. L-immaġnijiet ta’ partijiet tal-Ewropa taħt l-ilma u oħrajn jinħarqu juruna l-urġenza tal-ħtieġa li ningħaqdu flimkien biex insolvu l-isfidi tagħna. Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar mill-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija u oħrajn kienu rapidi u offrew għajnuna lill-Griega b’turija qawwija ta’ solidarjetà.

Għandna skeda mimlija għax-xhur li jmiss. Għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa l-membri kollha tagħna se jkunu impenjati biex iwasslu l-vuċijiet kollha. Is-slogan "Il-futur jinsab f'idejk” ifakkarna li huwa biss permezz ta’ parteċipazzjoni attiva li nistgħu nfasslu l-futur li għandna bżonn.

Biex niffaċiltaw dan, nistenna bil-ħerqa l-avveniment ‘Nikkollegaw l-UE’ f’Lisbona, f’Novembru. Din hija inizjattiva tal-KESE biex tistimola n-network attiv tagħna ta’ atturi tas-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa kollha. Normalment ikollna 120 parteċipant, inklużi rappreżentanti tal-komunikazzjoni minn networks tas-soċjetà ċivili, membri tal-COCOM, ġurnalisti u istituzzjonijiet oħra. Għandi pjaċir infakkarkom ukoll dwar il-Premju għas-Soċjetà Ċivili li din is-sena se jippremja lil dawk attivi fl-azzjoni klimatika.

Ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu differenza. Ejja nisfruttaw l-opportunitajiet ta’ involviment, u niżguraw li nkunu attivi kif ukoll effettivi.

Cillian Lohan

Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni