European Economic
and Social Committee
Wasal il-waqt tagħna!
Għeżież qarrejja,
Jum l-Ewropa ta’ din is-sena, nhar id-9 ta’ Mejju, se jimmarka wkoll it-tnedija tal-Konferenza tant mistennija dwar il-Futur tal-Ewropa. Din hija opportunità unika, mhux biss biex ikun hemm dibattitu wiesa’ dwar kif l-Unjoni Ewropea għandha tevolvi, iżda wkoll biex il-proġett Ewropew jingħata lura liċ-ċittadini tagħha, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Inħeġġiġkom taħtfu din l-opportunità.
Il-KESE, bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, ilu żmien twil jinsisti għar-riforma tal-Ewropa permezz ta’ aktar involviment min-naħa taċ-ċittadini tagħha. Ninsab konvinta li t-tqarrib tal-“bużżieqa ta’ Brussell” lejn iċ-ċittadini jista’ jagħti lok għal ideat oriġinali, iżda konkreti għall-futur.
Sabiex dan il-potenzjal ikun jista’ jiġi realizzat bis-sħiħ, irridu nevitaw li nippreġudikaw l-fehmiet taċ-ċittadini. Id-dibattiti fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandhom ikunu miftuħa għal ideat innovattivi. L-ebda panel ta’ diskussjoni ma għandu jassumi l-eżitu tad-dibattitu.
Il-futur tal-Ewropa jeżiġi wkoll il-ħolqien ta’ narrattiva pożittiva ġdida. Jeħtieġ nuru li l-Ewropa hija post mill-aqwa li toffri l-opportunitajiet lil kulħadd, ħalli kulħadd jgħix il-ħajja li jrid, abbażi ta’ valuri komuni. Iċ-ċittadini fl-Istati Uniti huma kburin mill-ħolma Amerikana tagħhom. Nemmen li wasal iż-żmien li finalment l-Ewropej jibdew japprezzaw u jgawdu l-istil tal-ħajja tagħhom u l-benefiċċji li dan iġib miegħu.
It-tnedija uffiċjali tal-konferenza se ssir fi Strasburgu f’format ibridu minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Nistgħu nantiċipaw li l-parti l-kbira tal-attivitajiet b’rabta mal-konferenza se jsiru b’dan il-mod, tal-inqas fil-bidu.
Minħabba l-pandemija, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa issa tinkludi komponent diġitali b’saħħtu. Paradossalment, dan jagħmilha aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini ordinarji – speċjalment permezz tal-pjattaforma multilingwi diġitali. Inħeġġiġkom ilkoll biex tużaw din l-għodda – jew biex tipparteċipaw f’avveniment eżistenti, biex torganizzaw d-diskussjoni tagħkom stess jew biex taqsmu l-ideat tagħkom dwar l-integrazzjoni Ewropea. Il-futur tal-Ewropa jinsab f’idejna!
Christa Schweng
Il-President tal-KESE