European Economic
and Social Committee
Il-mandat tal-KESE jibda b’aktar minn 40% membri ġodda
137 mit-329 membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ser ikunu membri ġodda fil-KESE hekk kif f’Ottubru jibda l-mandat tiegħu għall-perjodu 2020-2025.
Il-membri l-ġodda fil-KESE se jibdew il-mandat tagħhom f’kuntest ta’ restrizzjonijiet tal-COVID-19, hekk kif it-tbegħid soċjali u l-laqgħat ibridi għadhom in-norma fi Brussell peress li r-rati tal-infezzjoni żdiedu madwar l-Ewropa.
It-329 membru tal-KESE jinħatru mill-ġdid kull ħames snin, kif stabbilit mit-Trattati. Din id-darba aktar minn 40% tal-membri se jkunu ġodda, u dawn se jġibu magħhom il-perspettivi u l-ideat friski tagħhom kif ukoll enerġija ġdida fil-ħidma tagħhom flimkien mal-membri li qed jirritornaw.
In-nisa se jiffurmaw 33% tal-membri fil-mandat il-ġdid, żieda minn 27.30% fl-aħħar mandat u 24.70% fl-2010-2015. Il-pajjiżi bl-aktar membri nisa ser ikunu l-Estonja, b’85.71%, u r-Repubblika Ċeka u l-Kroazja jsegwu b’66.67%. Fit-tarf l-ieħor tal-iskala, il-Portugall u Ċipru ma għandhomx nisa fir-rappreżentanza tagħhom. L-Iżvezja għandha bilanċ perfett bejn il-ġeneri.
L-iżgħar membru għandu 27 sena, filwaqt li l-aktar membru anzjan, li għandu jippresjedi s-sessjoni plenarja li ser teleġġi l-mexxejja l-ġodda, għandu 76 sena.
Il-membri jinħatru mill-Kunsill għal perjodu ta’ ħames snin, abbażi tan-nomini mill-Istati Membri. Il-lista sħiħa tal-membri għall-mandat il-ġdid – mill-2020 sal-2025 – dalwaqt ser tkun disponibbli fuq is-sit web tal-KESE.
It-329 membru ġdid jew ikkonfermat mill-ġdid għandhom jiltaqgħu għall-ewwel darba fi Brussell fis-27 ta’ Ottubru. Fit-28 ta’ Ottubru huma se jeleġġu President ġdid u żewġ Viċi Presidenti (għall-Komunikazzjoni u għall-Baġit rispettivament) għal mandat ta’ sentejn u nofs.
Il-pożizzjoni tal-president iddur bejn it-tliet gruppi tal-Kumitat (Grupp ta’ Min Iħaddem, tal-Ħaddiema u Diversità Ewropa). Iż-żewġ presidenti preċedenti ġew eletti mill-Grupp tal-Ħaddiema u mill-Grupp Diversità Ewropa.
Kull membru se jingħaqad ma’ wieħed mit-tliet Gruppi, li se jeleġġi wkoll il-president tal-Grupp tiegħu għal mandat ta’ sentejn u nofs li jista’ jiġġedded.
Ir-rwol ewlieni tal-KESE huwa li jagħti pariri lil dawk li jfasslu l-liġijiet tal-UE (il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) dwar abbozzi ta’ leġiżlazzjoni u politiki permezz tal-ħidma tas-sitt sezzjonijiet tiegħu u kummissjoni konsultattiva waħda, li jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, bħal kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi, agrikoli, ambjentali u tat-trasport. (dm)