Il-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni juri kif is-soċjetà ċivili tista’ tgħin fl-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

Id-9 Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni, organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u mid-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea, iffoka fuq kif is-soċjetà ċivili jista’ jkollha rwol ewlieni fl-implimentazzjoni li jmiss tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, u enfasizza wkoll il-ħidma diretta tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dan il-qasam.

Il-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni, li sar fi Brussell lejn l-aħħar ta’ Novembru, xeħet dawl fuq il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li daħal fis-seħħ f’Ġunju 2024. Il-parteċipanti esploraw l-implimentazzjoni li jmiss tiegħu u kif is-soċjetà ċivili tista’ tgħin fl-appoġġ u l-applikazzjoni tal-Patt b’mod uman. L-avveniment ta ħarsa aktar mill-qrib lejn il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti l-ġdid, li ħoloq rabtiet aktar mill-qrib bejn il-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn, kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021–2027.

Fis-sessjoni tal-ftuħ, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni li għadha kif temmet il-kariga tagħha, Ylva Johansson, qalet: “Ninsab kuntenta li wieħed mill-aħħar dmir pubbliku tiegħi bħala Kummissarju huwa li nitkellem f’dan il-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni, pjattaforma kruċjali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għall-Istati Membri u għal dawk li jfasslu l-politika biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni. Id-diskussjonijiet tagħna matul is-snin dejjem kienu ta’ ispirazzjoni. Flimkien, nistgħu nibnu komunitajiet aktar b’saħħithom u aktar reżiljenti, inħarsu l-valuri tagħna u niżguraw li l-Ewropa tibqa’ post ta’ rifuġju u ta’ opportunità”.

Il-President tal-KESE, Oliver Röpke, irringrazzja lill-Kummissarju Johansson għad-dedikazzjoni tagħha għar-riforma tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni. “Jeħtiġilna niżguraw li l-Patt dwar il-Migrazzjoni jiġi implimentat bl-aktar mod uman u sostenibbli possibbli, u l-uniku mod kif nistgħu nagħmlu dan huwa billi nisimgħu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi f’dan il-qasam. Għalkemm il-Patt ġie adottat, il-ħidma għadha ’l bogħod milli tintemm – fil-fatt, wieħed jista’ jgħid li l-ħidma reali tibda issa”, huwa wissa.

Il-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni ġie stabbilit fl-2015 bħala pjattaforma għal djalogu bejn is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Huwa jiltaqa’ darba fis-sena biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi ta’ politika u biex jiġbor u jiskambja informazzjoni dwar kif il-politiki Ewropej jiġu implimentati fil-livelli reġjonali, lokali u taċ-ċittadini.

Kull sena, il-Forum jiffoka fuq tema differenti, li tintgħażel abbażi tal-kontribut li jipprovdu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-proċessi ta’ konsultazzjoni li jitwettqu fix-xhur ta’ qabel l-avveniment. S’issa il-Forum kopra suġġetti bħal rotot ta’ migrazzjoni sikuri, l-aċċess tal-migranti għad-drittijiet u s-servizzi u għall-UE, suq tax-xogħol Ewropew aktar inklużiv għall-migranti u r-rwol taż-żgħażagħ.

Il-KESE diġà adotta Opinjonijiet ewlenin dwar temi ewlenin relatati mal-migrazzjoni u l-ażil, inkluż dwar il-ħolqien tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, dwar ir-Regolament dwar l-ażil u l-migrazzjoni, dwar il-pakkett dwar l-Unjoni tas-Sigurtà/il-pakkett Schengen, u dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 2021-2027. Fl-2009, il-KESE waqqaf ukoll Grupp Permanenti dwar l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jgħin biex jagħti forma tanġibbli lir-rwol tal-KESE bħala faċilitatur bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, kif ukoll jistinka biex jippromovi l-iżvilupp ta’ politika Ewropea komuni dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni. (lm)