European Economic
and Social Committee
Breadcrumb
- Home
- Current: Tetyana Ogarkova: “Il-jum tar-rebħa se jiġi u mhu se jidher xejn bħat-23 ta’ Frar”
Tetyana Ogarkova: “Il-jum tar-rebħa se jiġi u mhu se jidher xejn bħat-23 ta’ Frar”
Tetyana Ogarkova: “Il-jum tar-rebħa se jiġi u mhu se jidher xejn bħat-23 ta’ Frar”
Fl-24 ta’ Frar 2022, il-ħajja ta’ miljuni ta’ Ukreni nqalbet ta’ taħt fuq. Illum, meta ngħidu l-kelma “rebħa”, nimmaġinaw li dan il-jum se jkun bħal kwalunkwe jum qabel. Fi kliem ieħor, jum normali, jum ta’ paċi, jum bħat-23 ta’ Frar 2022.
Iżda le. Għalina, qatt mhu se jerġa’ jkollna 23 ta’ Frar. Għalina qatt mhu se jerġa’ jiġi jum li jixbah il-jiem ta’ qabel.
Imxejna maġenb oqbra fil-foresta ta’ Izioum, fir-reġjun ta’ Kharkiv. Żorna rħula bħal Kamianka jew Dolyna, bejn Izioum u Sloviansk, li jevokaw film post-apokalittiku, fejn jgħixu madwar għaxar persuni fil-fdalijiet ta’ djarhom mingħajr ilma jew elettriku. Ħarisna f’għajnejn omm Volodymyr Vakoulenko, awtur tal-kotba tat-tfal li nqatel mir-Russi fir-raħal tiegħu ta’ Kapitolivka, ħdejn Izioum. Damet ix-xhur sa ma sabet il-ġisem tiegħu. Rajna r-rovini ta’ Sviatohirsk u qbiżna bil-qtajja’ meta smajna l-ispjużjonijiet fil-belt meħlusa ta’ Kherson, li r-Russi baqgħu jibbumbardjaw waqt li aħna konna ninsabu fuq ġewwa tal-mużew tal-arti, li l-kollezzjonijiet tiegħu nsterqu mill-okkupanti.
Kif nistgħu nimmaġinaw li kollox jerġa’ lura għat-23 ta’ Frar quddiem dawn l-immaġnijiet li qatt ma jistgħu jintesew? “Hawnhekk imsaħt id-demm tat-tfal tiegħi”, qaltilna mara anzjana hi u turina t-taraġ ta’ dar privata fir-raħal ta’ Bezrouky, fir-reġjun ta’ Kharkiv. In-neputija tagħha ta’ 8 snin u bintha ta’ 38 sena nqatlu hawnhekk f’temp ta’ sekonda minn mina Russa, f’jum sabiħ tas-sajf tal-2022. It-tifla kienet qed aqra ktieb. Kienet iġġib marki tajbi l-iskola.
Ir-rebħa? Jekk, fit-23 ta’ Frar 2022, konna urejna, bħal f’film, dak kollu li kien hemm imħejji għalina, ċertament konna nibqgħu ċċassati, saħansitra pparalizzati bit-terrur, u probabbilment mingħajr kapaċità li nieħdu azzjoni. Madankollu, għadejna minn din l-ewwel sena ta’ gwerra, jum wara jum, billi rduppjajna bla waqfien l-isforzi tagħna. Ċivili u militari, irġiel u nisa, żgħar u kbar. Dawn huma persuni ordinarji li wrew il-kapaċità tagħhom li jwettqu affarijiet straordinarji. Uħud għamlu dan billi pparteċipaw fil-mobilizzazzjoni avolja ma kinux obbligati jipparteċipaw.
Oħrajn billi ħallsu t-taxxi u billi jum wara jum taw aktar biex jappoġġjaw l-armata. Oħrajn iddedikaw il-ħin liberu tagħhom għal diversi attivitajiet volontarji, mill-insiġ tax-xbieki tal-camouflage sal-produzzjoni ta’ xemgħat għat-trunċieri. It-tfal marru l-iskola, fejn il-korsijiet ġew interrotti mill-air raids, u ż-żgħażagħ marru l-università minkejja l-qtugħ tal-elettriku.
Ħadd ma jaf x’inhu ġew għalina. Nafu biss li se nkomplu nimxu ’l quddiem, kollha flimkien, jum wara jum, lejn ir-rebħa. Għax nafu sew x’se jiġrilna jekk inċedu. L-oqbra ta’ Izioum ikunu fi Kiev. Il-belt ta’ Lviv tiġi bbumbardjata bħal Kherson. L-istazzjon nukleari ta’ Khmelnytskyi tkun fil-mira bħal dik ta’ Zaporijjia. Nafu dan kollu għax rajnieh kollu b’għajnejna.
U malli nagħlqu għajn m’għajn, se naraw dejjem l-uċuħ ta’ dawk li qatt mhuma se jarawh jum ir-rebħa. Iryna Tsvila, ħabiba tagħna minn Brovary li tant kienet tħobb il-ward fil-ġnien tagħha, marret armata għall-ġlied fl-24 ta’ Frar u mietet jumejn wara hi u tiddefendi ’l Kiev. Mykola Rachok, student tiegħi tal-letteratura li tant kien iħobb il-karozzi u r-rumanzi tal-avventura, miet waqt il-ġlied qrib Pokrovsk f’Lulju 2022. Roman Barvinok, il-vjolonista, li daqq il-mużika ta’ Vivaldi quddiem il-palazz presidenzjali fir-rebbiegħa tal-2020, miet fuq il-front tal-Lvant f’Awwissu 2022. Nista’ nsemmi ħafna oħrajn. Għexieren ta’ eluf ta’ oħrajn.
Il-jum tar-rebħa se jiġi u mhu se jidher xejn bħat-23 ta’ Frar 2022. Iżda x’m’aħniex lesti li nagħmlu biex noqorbu lejh dak il-jum?