Is-settur finanzjarju, b’mod partikolari dak bankarju, huwa strumentali biex l-ekonomija tal-UE ssir aktar kompetittiva, peress li għandu influwenza konsiderevoli fuq il-finanzjament u t-tranżizzjoni essenzjali lejn is-sostenibbiltà. F’Opinjoni adottata matul is-sessjoni plenarja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-metodi ewlenin li jsaħħu s-settur u jagħtu spinta lill-kontribut tiegħu għall-awtonomija strateġika tal-UE u għall-għanijiet biex din tintlaħaq.

 

Sistema finanzjarja reżiljenti hija ta’ prijorità għat-trasformazzjoni ekonomika tal-UE, iżda għad hemm sfidi, minkejja l-isforzi biex jiġu inkorporati l-kontrolli tal-kompetittività u biex ir-regolamentazzjoni tiġi rfinata permezz tar-REFIT. Ir-relatur tal-KESE, Antonio García del Riego jirrimarka li l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali mhux kompluti huma ostakli għall-unità tas-suq, li jwasslu biex il-banek tal-UE jibqgħu lura meta mqabbla mal-atturi globali. Dan se jkollu jiġi indirizzat permezz ta’ evalwazzjonijiet bir-reqqa sabiex jiġi żgurat settur finanzjarju kompetittiv u reżiljenti. Il-kompetizzjoni ġusta hija kruċjali għall-istabbiltà u t-tkabbir, iżda teħtieġ oqfsa regolatorji aktar b’saħħithom li jissalvagwardjaw id-diversità tas-settur bankarju. Il-KESE jenfasizza r-rwol li taqdi l-kompetizzjoni ġusta biex tiżgura l-istabbiltà u tattira l-investiment, u jappella għal approċċ ibbilanċjat għas-sorveljanza li jippromovi d-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà tas-suq. Filwaqt li jfaħħar il-fatt li l-UE tinkludi kontroll tal-kompetittività fil-politiki futuri, il-KESE jirrimarka li l-kompetittività trid tissaħħaħ mingħajr ma titbiegħed mill-istandards globali bħal dawk ta’ Basel III. Huwa essenzjali li dan il-kontroll ikun allinjat mal-ispeċifiċitajiet tas-settur finanzjarju. L-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jiġġieled il-frammentazzjoni tas-suq, issaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja u jrawwem l-integrazzjoni. Il-KESE jenfasizza li l-metodi ta’ evalwazzjoni effettivi, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-valutazzjonijiet tal-impatt, u data robusta għal teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat huma ċ-ċavetta biex is-settur jitmexxa ’il quddiem. (tk)