Ingħaqad magħna għall-Jum għall-Pubbliku tal-KESE fl-4 ta’ Mejju!

Immarka l-kalendarju tiegħek għas-Sibt 4 ta’ Mejju 2024 meta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jiftaħ il-bibien tiegħu għall-Jum għall-Pubbliku interistituzzjonali annwali tal-UE. Niċċelebraw id-demokrazija Ewropea u niffukaw fuq l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin f’Ġunju. Din hija opportunità biex titgħallem dwar l-UE, tinvolvi ruħek mas-soċjetà ċivili, u tiskopri kif leħnek u l-vot tiegħek jistgħu jsawru l-futur tal-Ewropa.

Għaliex għandek iżżur il-KESE fil-Jum għall-Pubbliku?

  • Il-bini Jacques Delors: esplora l-bini ikoniku tal-KESE f’Rue Belliard, il-qalba tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Ewropa. Ara b’għajnejk kif ir-rappreżentanti tal-impjegaturi, il-ħaddiema, l-ambjentalisti, il-konsumaturi, u aktar jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika tal-UE.
  • Tagħlim interattiv: involvi ruħek f’diskussjonijiet imqanqlin ma’ membri tal-KESE dwar suġġetti li huma qrib tiegħek. Tgħallem kif id-djalogu soċjali jsawwar il-leġiżlazzjoni tal-UE u kif il-vuċi tiegħek tista’ tinstema’. 
  • Attivitajiet għall-etajiet kollha: gawdi minn atmosfera vibranti b’mużika live tal-ogħla kwalità, logħob interattiv biex tittestja l-għarfien tiegħek dwar l-UE, u artisti tal-irtokk li jiżbgħu wiċċ it-tfal. Ħu miegħek id-dar rigal kommemorattiv jew karikatura ta’ wiċċek u ddeverti fil-kabina fotografika.
  • Diskussjonijiet fil-fond: ikseb perspettiva “ta’ ġewwa” dwar ir-rwol tal-KESE fit-tiswir ta’ Ewropa sostenibbli, prospera u inklużiva għal kulħadd. Ħu l-opportunità biex tinvolvi ruħek f’diskussjonijiet rapidi u ffukati ma’ membri tal-KESE dwar suġġetti speċifiċi li huma importanti għalik. Opportunità unika biex tikseb għarfien siewi mill-qalba tat-tfassil tal-politika Ewropea.
  • Is-setgħa tas-soċjetà ċivili: skopri kif il-KESE jaħdem biex inaqqas id-distakk bejn iċ-ċittadini u l-UE. Ara kif ilħna differenti jingħaqdu flimkien biex jippromovu l-ġustizzja soċjali, il-protezzjoni ambjentali, u ħafna aktar għal Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha.

Ċelebrazzjoni fuq żewġ roti!

Barra minn dawn l-avvenimenti eċċitanti, grupp ta’ ċiklisti se jasal fil-KESE fl-4 ta’ Mejju! Xi wħud minn dawn il-membri ddedikati tal-KESE u individwi oħra qed jivvjaġġaw fuq ir-roti distanza ta’ 500 km minn Franza għal Brussell biex iqajmu kuxjenza dwar l-elezzjonijiet Ewropej. Ingħaqad magħna hekk kif nagħtuhom merħba mistħoqqa meta jaslu fil-KESE u tgħallem aktar dwar il-missjoni ta’ ispirazzjoni tagħhom, il-vjaġġ u l-isfidi tagħhom tul it-triq.

Aktar minn sempliċi żjara, hija esperjenza

Il-Jum għall-Pubbliku tal-KESE huwa l-opportunità tiegħek li toħloq rabta mal-Ewropa, tiċċelebra d-demokrazija u tiskopri s-setgħa tas-soċjetà ċivili. Kemm jekk inti entużjast veteran tal-UE, xettiku tal-UE, jew sempliċiment kurjuż, noffru xi ħaġa għal kulħadd. Ejja esplora, tgħallem, u involvi ruħek fil-qalba tad-demokrazija Ewropea!

Ibqa’ konness għal aktar dettalji

Ma hija meħtieġa l-ebda reġistrazzjoni minn qabel. Se naqsmu aktar informazzjoni dwar attivitajiet speċifiċi, u punti ewlenin eċċitanti fil-ġimgħat li ġejjin. Segwina fuq il-media soċjali u żur is-sit web tagħna (www.eesc.europa.eu/openday) għal aġġornamenti.

Titlifx din l-opportunità unika biex tesperjenza l-UE tiegħek direttament! (cg)

#EuropeDay #UseYourVote