L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2025 laqqgħet flimkien madwar 90 student u studenta mill-UE, mill-pajjiżi kandidati u mir-Renju Unit. Valeriia Makarenko waslet minn Kharkiv, belt mifnija bil-gwerra, fl-Ukrajna biex tirrappreżenta lil pajjiżha fl-avveniment. Hija qaltilna għaliex il-parteċipazzjoni f’L-Ewropa Tiegħek, Leħnek kienet importanti ħafna għaż-żgħażagħ Ukreni,u qasmet t-tamietha li l-ġenerazzjoni tagħha, imsawra mir-reżiljenza u l-unità matul il-gwerra, twassal lill-Ukrajna lejn futur aħjar.

1) Għaliex taħseb li huwa importanti li ż-żgħażagħ jattendu avvenimenti tal-UE bħal L-Ewropa Tiegħek, Leħnek?

Nemmen li l-attendenza għal avvenimenti tal-UE bħal L-Ewropa Tiegħek, Leħnek hija kruċjali għaż-żgħażagħ għax tagħtihom pjattaforma biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jieħdu sehem f’diskussjonijiet sinifikanti u jsawru b’mod attiv il-futur tal-Ewropa. Dawn l-avvenimenti jipprovdu opportunitajiet mitqilhom deheb biex wieħed jitgħallem dwar il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jiżviluppa ħiliet ta’ tmexxija u joħloq kuntatti ma’ pari minn pajjiżi differenti. Fir-rigward taż-żgħażagħ Ukreni, il-parteċipazzjoni hija saħansitra aktar sinifikanti peress li tippermettilna naqsmu l-esperjenzi awtentiċi tagħna, nippromovu l-integrazzjoni Ewropea tal-Ukrajna u nrawmu s-solidarjetà fost iż-żgħażagħ Ewropej.

2) Kif taħseb li l-gwerra kellha impatt fuq iż-żgħażagħ fl-Ukrajna?
Bla dubju, il-gwerra fuq skala sħiħa biddlet b’mod sinifikanti l-ħajja taż-żgħażagħ fl-Ukrajna, u affettwat l-edukazzjoni, is-saħħa mentali u s-sens ta’ sigurtà ġenerali tagħhom. Pereżempju, ħafna kellhom jadattaw għall-istudju online jew jirrilokaw, spiss f’kundizzjonijiet instabbli. Madankollu, il-gwerra ġabet magħha wkoll ir-reżiljenza – iż-żgħażagħ Ukreni mhux biss saru simboli ta’ poter u qawwa, iżda saru wkoll aktar involuti fil-volontarjat, fl-attiviżmu u fil-ħidma ta’ bini mill-ġdid, bħal proġetti ta’ ppjanar urban. Minkejja d-diffikultajiet, nibqgħu determinati li nħarsu l-identità tagħna u nikkontribwixxu għall-futur ta’ pajjiżna.

3) X’inhuma t-tamiet tiegħek għall-futur taż-żgħażagħ fl-Ukrajna?
Żgur li l-ġejjieni huwa kwistjoni kkumplikata għal kważi kull persuna żagħżugħa Ukrena. Il-komunità tiegħi u jien nittamaw li ż-żgħażagħ kollha fl-Ukrajna jkollhom aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità, opportunitajiet għal żvilupp professjonali u futur sigur f’Ukrajna b’saħħitha u indipendenti. Nittama wkoll li l-komunità internazzjonali tkompli tappoġġja lill-Ukrajna fil-bini mill-ġdid sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jirnexxu aktar milli sempliċiment jibqgħu ħajjin. Il-qawwa taż-żgħażagħ Ukreni hija tassew kbira, għalhekk huwa ta’ ispirazzjoni li naraw aktar u aktar żgħażagħ jipparteċipaw fi proġetti differenti fl-edukazzjoni, ix-xjenza, ir-restawr tal-infrastruttura u oqsma oħra. L-aktar importanti, nittama li l-ġenerazzjoni tagħna, imsawra mir-reżiljenza u l-unità, twassal lill-Ukrajna għal futur aħjar, aktar innovattiv u demokratiku.

4) Ħsibijietek tal-aħħar dwar l-avveniment?  

Kont tassew ispirata. Anki billi ngħid kelmtejn mal-oħrajn, nisma’ jew nanalizza dak li kienu qed jgħidu parteċipanti oħra, nista’ ngħid li, iva, din hija xena ta’ qawwa liema bħalha, u sempliċiment billi ningħaqdu, nistgħu nuru dak li aħna verament kapaċi nwettqu. Pereżempju, ċerti proġetti li għamilna tassew għenuna nifhmu pajjiżi oħra aħjar. Smajt tant fatti dwar pajjiżi differenti li ma kontx smajt qabel. Ninsab kuntenta ħafna, u kburija li kont hemm. 

Valeriia Makarenko hija studenta ta’ 16-il sena minn Kharkiv, l-Ukrajna. Hija tattendi l-10 grad fil-liċeo ta’ Kharkiv #99.