Iż-żgħażagħ huma ċ-ċavetta għas-sħubija UE-Mediterranja

Iż-żgħażagħ fir-reġjun tal-Mediterran jeħtiġilhom jiġu inklużi f’kull stadju, mit-tfassil tal-politika sal-implimentazzjoni. Huma jsawru mhux biss il-politiki iżda wkoll il-ħajja, kif enfasizzat fid-dibattitu organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE).

Id-dibattitu sar fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Jannar, u kien relatat mal-adozzjoni tal-Opinjoni dwar L-involviment taż-żgħażagħ fid-djalogu soċjali u ċivili fir-reġjun tal-Mediterran, li hija l-ewwel Opinjoni tal-KESE li tqis il-kontribut tar-rappreżentanti taż-żgħażagħ mir-reġjun. Tmien rappreżentanti żgħażagħ ikkontribwew għall-proċess ta’ abbozzar.

Matul id-dibattitu, il-Kummissarju għar-reġjun tal-Mediterran, Dubravka Šuica, saħqet dwar l-importanza taż-żgħażagħ għall-prosperità, l-istabbiltà u r-reżiljenza tar-reġjun. “Il-futur tal-Mediterran jinsab f’idejn iż-żgħażagħ ta’ dan ir-reġjun. Għal futur kondiviż u sostenibbli, jeħtiġilna ninvolvu ruħna direttament mal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, waqt li niżguraw li l-ilħna tagħhom jiggwidaw il-politiki u l-prijoritajiet tagħna. Flimkien, se nsawru l-patt il-ġdid għall-Mediterran billi ninvestu fl-edukazzjoni, l-impjiegi u t-tkabbir.”

Il-President tal-KESE Oliver Röpke wera l-appoġġ tiegħu għall-patt il-ġdid tal-Kummissarju Šuica, li huwa mmirat lejn l-investiment, is-sostenibbiltà u l-migrazzjoni, u żied jgħid li s-soċjetà ċivili jeħtiġilha tkun involuta b’mod attiv fit-tfassil tiegħu. “L-involviment taż-żgħażagħ huwa essenzjali għall-futur tar-reġjun, u l-KESE għandu l-impenn li jiżgura li l-ilħna tagħhom isawru l-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Flimkien mal-Unjoni għall-Mediterran u l-Fondazzjoni Anna Lindh, qed nistinkaw biex nibnu Mediterran paċifiku u mimli ħajja.”

Waqt li enfasizzat l-importanza tal-kontribut tar-rappreżentanti żgħażagħ għall-Opinjoni, il-Prinċipessa Rym Ali, President tal-Fondazzjoni Anna Lindh, qalet li l-ħidma maż-żgħażagħ mhijiex biss importanti, iżda urġenti u ġenerattiva. “Hemm ħafna x’jista’ jintilef jew jintrebaħ. Mingħajr l-involviment taż-żgħażagħ, jekk ma jiġux offruti għodod biex jipparteċipaw b’mod ugwali, ma nistgħux nibnu soluzzjoni għall-futur. Għandhom bżonn siġġu mal-mejda”, qalet.

Eliane El Haber, rappreżentanta taż-żgħażagħ għall-Opinjoni u konsulenta fin-Network taż-Żgħażagħ u l-Istudenti tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 4 tal-UNESCO, laqgħet l-inizjattiva tal-KESE li jinvolvi b’mod attiv liż-żgħażagħ li jirrappreżentaw sfondi ta’ reġjuni, ġeneri, edukazzjoni u kulturi differenti.