Lingwi Disponibbli:

Editorjal

Għeżież qarrejja,

Bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja u jirrikonoxxi l-ħidma prezzjuża tal-organizzazzjonijiet diversi tas-soċjetà ċivili, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem tal-UE, li ta’ kuljum u bil-mod tagħhom, jistinkaw biex l-Unjoni tagħna ssir post aħjar.

Darba fis-sena, il-KESE jagħti premju speċjali biex jiċċelebra u jagħti ġieħ lil kisbiet partikolari tas-soċjetà ċivili Ewropea f’qasam partikolari, wara l-identifikazzjoni bir-reqqa ta’ tema li tkopri qasam importanti tal-ħidma tiegħu. Din is-sena, il-Premju tas-Soċjetà Ċivili tagħna ngħata għall-ħdax-il darba u ninsab kuntent ħafna u kburi ngħid li għażilna li niddedikawh għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-azzjonijiet li jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Fil-qosor

Segwi ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju tas-Soċjetà Ċivili 2019

Għix mill-ġdid l-aqwa mumenti taċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni permezz tal-filmat tagħna!

Fuljett tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili

Il-KESE ppubblika fuljett li jippreżenta l-ħames proġetti rebbieħa u jipprovdi informazzjoni ta’ sfond dwar il-Premju għas-Soċjetà Ċivili.

Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2019 fil-midja

Ġabra fil-qosor tat-titli fil-midja s'issa dedikati għall-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2019.

Aħbarijiet tal-KESE

L-organizzazzjoni Taljana “Toponomastica femminile” hija r-rebbieħa tal-Premju tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE għall-2019 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi

Fit-12 ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippremja ħames organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favur opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, iqajmu kuxjenza dwar il-potenzjal tan-nisa u s-suċċessi tagħhom, u li jikkontribwixxu għall-kisba tal-poter tagħhom fis-soċjetà u l-ekonomija Ewropea. Il-premju ta’ EUR 50,000 tqassam bejn il-ħames proġetti rebbieħa. L-organizzazzjoni Taljana “Toponomastica femminile” ħadet l-ewwel premju ta’ EUR 14,000. L-erba’ organizazzjonijiet li flimkien ġew it-tieni ngħataw Eur 9,000 kull waħda u ġew ikklassifikati f’din l-ordni: Strajk Kobiet mill-Polonja, l-Assoċjazzjoni Bulgara NAIA u l-proġett tagħha Ħrejjef, l-Assoċjazzjoni Finlandiża Software and eBusiness u l-programm tagħha Mimmit koodaa (Women Code), u The Brussels Binder mill-Belġju.

Minn fomm ir-rebbieħa

L-importanza tal-isem: niġġieldu d-disparità bejn is-sessi permezz tat-toponomija

L-organizzazzjoni Taljana Toponomastica femminile, rebbieħa tal-ewwel premju, hija impenjata li tiġġieled id-disparitajiet bejn is-sessi billi ssemmi postijiet, b’mod partikolari toroq urbani, pjazez u parks, għal nisa magħrufa. Maria Pia Ercolini targumenta li dan ir-rikonoxximent simboliku tal-kontributi tagħhom għall-komunità jista’ jkun utli ferm biex jiggarantixxi lin-nisa l-post li jixirqilhom fis-soċjetà.

L-Istrajk tan-Nisa Pollakki: in-nisa ta’ bliet żgħar jinvolvu ruħhom fil-ġlieda għad-drittijiet tan-nisa

L-Istrajk tan-Nisa Pollakki, ir-rebbieħ tat-tieni premju, huwa moviment fil-livell taċ-ċittadini fil-Polonja, li beda fl-2016 b’reazzjoni għat-tentattiv tal-gvern li jneħħi d-dritt tan-nisa għall-abort. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-moviment kiber madwar il-pajjiż kollu u wassal għal għadd ta’ azzjonijiet li raw parteċipazzjoni massiċċa ta’ nisa minn bliet Pollakki żgħar u ta’ daqs mejdu. Marta Lempart, attivista tal-moviment l-Istrajk tan-Nisa Pollakki, tikkondividi l-ħsibijiet tagħha dwar l-importanza kruċjali ta’ dan il-moviment fil-Polonja tal-lum.

 

NAIA: “Il-vjolenza domestika hija problema soċjali, mhux waħda privata”

L-assoċjazzjoni Bulgara NAIA, ir-rebbieħa tat-tielet premju, ilha għal dawn l-aħħar 20 sena tiġġieled il-vjolenza domestika f’komunitajiet żgħar u żvantaġġati, billi twettaq il-programm tagħha ta’ assistenza soċjali għall-vittmi li jinsabu f’kundizzjonijiet diffiċli. B’mod parallel, kif tispjega Svetla Sivcheva f’din l-intervista, hija tiffoka fuq il-prevenzjoni billi taħdem ma’ tfal żgħar sabiex tesplora modi kif jistgħu jitkissru u jingħelbu sterjotipi soċjali bil-għan li jwessgħu l-orizzonti tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom.

#mimmitkoodaa (nisa li jikkodifikaw): ninfiltraw fortizza tas-segregazzjoni tas-sessi – l-industrija tal-IT

Il-missjoni ewlenija tal-Assoċjazzjoni Finlandiża tas-Softwer u n-Negozju Elettroniku (Ohjelmisto- ja e-business ry), ir-rebbieħa tar-raba’ premju, hija li aktar nisa jifhmu s-softwer. L-Assoċjazzjoni toffri workshops prattiċi u mingħajr ħlas lil nisa li ma għandhom l-ebda esperjenza fl-ikkowdjar sabiex tgħinhom jirnexxu fl-industrija tal-IT. Tkellimna ma’ Rasmus Roiha u Milja Köpsi dwar il-filosofija ta’ #mimmitkoodaa u kif l-organizzazzjoni tippjana li tuża l-flus tal-premju.

The Brussels Binder: bidla fid-dehra tal-panels ta’ Brussell

Brussell tospita għadd kbir ta’ dibattiti kull sena. Żewġ terzi tal-kelliema fuq il-panels huma rġiel. Madankollu, hemm bosta nisa li jistgħu jiġu mistiedna sabiex jaqsmu l-għarfien tagħhom u jġibu diversità fid-dibattiti tal-UE. Bil-għan li jiġi miġġieled dan l-iżbilanċ, il-qalba tal-istrateġija ta’ Brussels Binder tikkonsisti fil-bini ta’ pjattaforma li tista’ taġixxi bħala ċentru kemm għall-esperti nisa kif ukoll għall-organizzaturi ta’ panels li jkunu qed ifittxu kelliema. EESC Info tkellem ma’ Juliane Schmidt dwar l-istrateġija ġenerali tal-bidla fid-dehra maskili tal-panels ta’ Brussell.