L-assoċjazzjoni Bulgara NAIA, ir-rebbieħa tat-tielet premju, ilha għal dawn l-aħħar 20 sena tiġġieled il-vjolenza domestika f’komunitajiet żgħar u żvantaġġati, billi twettaq il-programm tagħha ta’ assistenza soċjali għall-vittmi li jinsabu f’kundizzjonijiet diffiċli. B’mod parallel, kif tispjega Svetla Sivcheva f’din l-intervista, hija tiffoka fuq il-prevenzjoni billi taħdem ma’ tfal żgħar biex tesplora modi kif jistgħu jitkissru u jingħelbu sterjotipi soċjali bil-għan li jwessgħu l-orizzonti tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom.

KESE Info: Xi jfisser dan il-premju għalik u għall-organizzazzjoni tiegħek?

Svetla Sivcheva: Dan il-premju huwa importanti ħafna għall-organizzazzjoni tagħna, li ilha għal 20 sena tiġġieled kontra l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, billi tgħaqqad aktar u aktar nies wara l-idea li din hija problema soċjali sinifikanti aktar milli waħda privata, u li l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa hija responsabbiltà tal-istat, tal-istituzzjonijiet u ta’ kull individwu. L-organizzazzjoni tagħna taħdem ma’ gruppi vulnerabbli li jinsabu fi bliet u villaġġi żgħar b’bosta problemi soċjali, fosthom il-faqar, il-qgħad, tluq bikri mill-iskola u nuqqas ta’ kura tas-saħħa. F’din is-sitwazzjoni huwa diffiċli ferm li jiġu protetti d-drittijiet tan-nisa, li tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom, li jiġu ispirati sabiex jemmnu fil-potenzjal tagħhom u biex jirnexxu ekonomikament kif ukoll fil-livell soċjali. Minkejja dawn id-diffikultajiet, aħna bqajna nwettqu l-ħidma tagħna, u dan il-premju jirrikonoxxi l-perseverenza u l-persistenza u jfaħħar l-isforzi tagħna sabiex nuru kemm huwa importanti u imprezzabbli li s-soċjetà tagħti opportunitajiet indaqs lin-nisa u lill-irġiel.

X’parir tagħti lil orgranizzazzjonijiet oħra sabiex jiksbu riżultati fil-qafas ta’ attivitajiet u programmi bħal dawn?

Qajla hemm xi parir x’wieħed jista’ jagħti għaliex diġà ssir ħafna ħidma mis-soċjetà ċivili dwar dan is-suġġett, għalkemm din mhux dejjem tingħata attenzjoni mill-politiċi. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi u ċittadini individwali kontinwament jippruvaw ideat ġodda u jiżviluppaw prattiki tajba fil-livell tal-UE, jiskambjaw l-esperjenza u l-għarfien espert. Nittamaw li l-ħidma tas-soċjetà ċivili twassal għal riflessjoni dwar politiki tal-istat reali u effettivi li juru b’mod ċar li din il-kwistjoni hija prijorità, u li fl-ogħa livell hemm ir-rieda li jiġu promossi u garantiti opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fl-isferi kollha tal-ħajja soċjali u ekonomika. F’xi Stati Membri, kien hemm xi rigress fil-prevenzjoni tal-vjolenza minħabba differenza ta' sess u l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li huwa inkwetanti ħafna. Nittamaw li naraw rieda politika ċara fil-livell tal-UE u fil-livell tal-gvernijiet individwali sabiex jiġu rispettati l-valuri komuni Ewropej, inklużi l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel.

Kif se tużaw dawn il-fondi speċifiċi biex tipprovdu iżjed għajnuna lill-komunità?

Se nużaw dawn il-fondi sabiex niżguraw il-Programm tagħna għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. L-organizzazzjoni tagħna ma għandhiex riżorsi finanzjarji kbar u s-servizzi li nipprovdu lill-vittmi tal-vjolenza domestika huma dejjem prijorità u ma jistgħux jiġu interrotti. Qegħdin nesperjenzaw diffikultajiet f’attivitajiet ta’ finanzjament għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ser nużaw dawn il-fondi biex naħdmu fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal, kif ukoll biex naħdmu ma’ imprendituri nisa u biex nippromovu aktar nisa fil-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. B’dawn ir-riżorsi finanzjarji, se nkunu nistgħu ninformaw u nappoġġjaw lil aktar nisa minn komunitajiet żgħar u magħluqa, u dan huwa importanti ferm.

Il-proġett tagħkom jinvolvi lill-ġenituri u lit-tfal ta’ taħt l-età tal-iskola. Għaliex huwa importanti li nkellmu lit-tfal iż-żgħar dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri? Il-ħrejjef kif jistgħu jgħinuhom jifhmu l-messaġġ dwar l-importanza tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel?

Aħna qegħdin niffukaw fuq il-problema li l-isterjotipi tal-ġeneri jiġu imposti minn età bikrija mill-ġenituri, mill-għalliema u mill-pari. Ħafna mill-isterjotipi kulturali u s-simboli soċjali li t-tfal jitgħallmu fl-ewwel snin ta’ tfulithom jibqgħu jġorruhom magħhom bħala adulti u jsiru n-norma. Dan iżomm lis-subien u lill-bniet milli jesprimu lilhom infushom b’mod liberu u jinkoraġġihom iġibu ruħhom b’mod li huwa meqjus bħala soċjalment xieraq. Sabiex jinkiser dan iċ-ċiklu, huwa importanti li t-tfal jiġu mħeġġa minn età żgħira jaraw lin-nisa u lill-irġiel fi rwoli oħra mhux biss dawk tradizzjonali, biex jevalwaw il-potenzjal u l-kapaċitajiet tagħhom u biex jemmnu li l-għarfien u l-ħiliet tagħhom huma daqstant importanti u rilevanti għas-soċjetà.

Il-ħrejjef klassiċi tat-tfal huma għodda importanti biex jiġu diskussi kwistjonijiet differenti ma’ tfal żgħar, fosthom l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, fi kliem li huwa aktar aċċessibbli għalihom u li jistgħu jifhmuh. Aħna nużaw ħrejjef u l-karattri tagħhom biex niftħu possibbiltajiet għall-kwalitajiet, interessi u l-potenzjal tal-bniet u s-subien, b’hekk ikunu jistgħu jimirħu fi rwoli li mhumiex sterjotipati u sabiex jiġu rikonoxxuti bħala daqstant siewja u importanti.