Fit-12 ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippremja ħames organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favur opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, iqajmu kuxjenza dwar il-potenzjal tan-nisa u s-suċċessi tagħhom, u li jikkontribwixxu għall-kisba tal-poter tagħhom fis-soċjetà u l-ekonomija Ewropea. Il-premju ta’ EUR 50,000 tqassam bejn il-ħames proġetti rebbieħa. L-organizzazzjoni Taljana “Toponomastica femminile” ħadet l-ewwel premju ta’ EUR 14,000. L-erba’ organizazzjonijiet l-oħra li flimkien ġew it-tieni ngħataw Eur 9,000 kull waħda u ġew ikklassifikati f’din l-ordni: Strajk Kobiet (Strajk tan-Nisa) mill-Polonja, l-Assoċjazzjoni Bulgara NAIA u l-proġett tagħha Ħrejjef, l-Assoċjazzjoni Finlandiża Software u eBusiness u l-programm tagħha Mimmit koodaa (Women Code), u The Brussels Binder mill-Belġju.

"Nixtieq nirringrazzja l-kandidati kollha – ir-rebbieħa li qegħdin magħna llum u kull min ħa sehem – għall-applikazzjonijiet impressjonanti u ta’ valur kbir tagħhom. Il-proġetti tagħhom juru li l-Ewropa hija lesta timplimenta l-impenn tagħha, jiġifieri li tagħmel is-soċjetà verament ugwali għan-nisa u l-irġiel. Bis-saħħa ta’ proġetti bħal dawn, l-attitudnijiet bil-mod qed jinbidlu. L-esklużjoni tan-nisa mill-ħajja pubblika u minn pożizzjonijiet ta’ poter qed titqies dejjem iżjed bħala mhux aċċettabbli u l-isterjotipi dwar ir-rwoli tan-nisa huma kkunsidrati skaduti," qal il-President tal-KESE Luca Jahier waqt iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni.

Il-Viċi President għall-Komunikazzjoni tal-KESE, Isabel Caño Aguilar, qalet: "Kuntenta ħafna li din is-sena l-Premju tas-Soċjetà Ċivili indirizza l-għoti tas-setgħa lin-nisa. Il-proġetti li rċevejna jiġġieldu għal dan. Jibdew mit-tfal iż-żgħar u bil-perċezzjonijiet li jinfluwenzawna indirettament ta’ kuljum meta nkunu fit-triq jew nattendu konferenza. Jiġġieldu kontra s-segregazzjoni orizzontali fis-suq tax-xogħol f’setturi ddominati mill-irġiel, bħall-IT. Jiġġieldu kontra l-inugwaljanza billi jappellaw lilna fuq livell subkonxju permezz tal-ismijiet tat-toroq tagħna, jew jagħmlu l-istess aktar fil-miftuħ, billi jsemmu leħinhom fil-bliet tagħhom."

Ir-rebbieħa ta’ din is-sena, Toponomastika tan-Nisa (Associazione Toponomastica femminile) trid tagħti lin-nisa rikonoxximent pubbliku li ta’ spiss ikun nieqes jew jasal tard ħafna, billi tqajjem kuxjenza dwar il-kontribut tagħhom lis-soċjetà u fl-istorja. Peress li temmen li t-toponomija – l-istudju tal-ismijiet ta’ postijiet – hija indikatur tajjeb ta’ kif soċjetà tapprezza l-membri tagħha, l-organizzazzjoni qed tipprova tpoġġi aktar nisa notevoli fuq il-mapep tal-bliet.

Ir-riċerka riċenti tagħha dwar l-ismijiet ta’ postijiet pubbliċi f’madwar 90% tal-muniċipalitajiet Taljani wriet li għal kull 100 triq imsemmija għall-irġiel, 7.8 biss issemmew għan-nisa, li minnhom madwar 60% jirreferu għal figuri reliġjużi. M’hemm kważi l-ebda post li għandu l-ismijiet ta’ xjentisti, intraprendituri, artisti u personalitajiet sportivi nisa, u Toponomastica Femminile trid tibdel din is-sitwazzjoni.

Il-proġett kellu rispons pożittiv ħafna, b’ħafna muniċipalitajiet jissieħbu, u issa l-organizzazzjoni diġà qed tingħaqad ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn fl-Ewropa biex ixxerred dawn il-prattiki tajbin.

Hi u taċċetta l-premju, il-president ta’ Toponomastica Femminile, Maria Pia Ercolini, qalet: "Irridu liġijiet biex tbiddel is-soċjetà iżda mhumiex biżżejjed biex ibiddlu l-imġiba fit-tul jekk ma jkunux appoġġati minn bidla parallela fl-immaġinazzjoni tan-nies, jeħtieġ li jiġu miġġielda l-isterjotipi u l-preġudizzji. Din mhijiex biss battalja femminista, iżda battalja għal soċjetà msejsa fuq is-solidarjetà u għaċ-ċivilizzazzjoni".

It-tieni premju ngħata lil Strajk Kobiet mill-Polonja, l-akbar moviment tan-nisa fil-Polonja, li kien fl-aħbarijiet dinjija minħabba l-Black Monday Strike tiegħu fl-2016. Permezz ta’ protesti u marċijiet, il-moviment jitlob aktar drittijiet għan-nisa u jikkundanna t-trażżin mill-gvern fuq il-valuri u l-libertajiet bażiċi. Issa qed ifittex li jagħti s-setgħa lin-nisa ordinarji minn bliet Pollakki żgħar u ta’ daqs medju.

Il-proġett rebbieħ mill-Bulgarija, Ħrejjef, ġie t-tielet. Dan il-proġett huwa mmexxi mill-assoċjazzjoni NAIA li tuża l-ħrejjef klassiċi sabiex tiġġieled kontra r-rwoli tas-sessi sterjotipati li jiġu trażmessi lis-subien u l-bniet minn età bikrija ħafna, moħħhom jiġu ffurmati b’dal-mod u jiġu limitati l-possibbiltajiet u l-għażliet futuri tagħhom.

Fir-raba’ post insibu Mimmit koodaa (Women Code) jew #mimmitkoodaa, programm stabbilit mill-Finnish Software and e-business Association biex jikkontesta l-mit li l-iżviluppaturi tas-softwer kollha għandhom ikunu rġiel b’mod awtomatiku. Il-programm iħeġġeġ lin-nisa jfittxu opportunitajiet fl-industrija tas-softwer u biex jimxu lejn impjiegi u karrieri mħallsin aħjar għall-futur.

Il-ħames premju ntrebaħ minn The Brussels Binder, mill-Belġju, bażi tad-data ta’ esperti tal-politika nisa. Hija mmexxija minn grupp ta’ voluntiera li jippromovu rappreżentanza aħjar tan-nisa fid-dibattiti ta’ politika Ewropej, li għandha tiżgura li l-liġijiet u l-politiki tal-UE ma jonqsux milli jirriflettu l-ħtiġijiet u l-fehmiet tan-nisa. L-għan tagħha huwa li ssir riżorsa importanti biex tittejjeb id-diversità tas-sessi fuq il-panels u fil-midja, fi Brussell u fl-UE kollha.

It-tema ta’ din is-sena, “Aktar Nisa fis-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa”, attirat 177 kandidat, li huwa t-tieni l-ogħla numru ta’ entrati fl-istorja ta’ 11-il sena tal-premju, ftit inqas mit-tema tal-2016, li kienet il-migrazzjoni. L-entrati ġew minn mhux inqas minn 27 Stat Membru, li juri l-interess mifrux taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-teħid ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn is-sessi, li għadhom estensivi fl-Ewropa.

Il-Premju tas-Soċjetà Ċivili jingħata għal “eċċellenza f’inizjattivi tas-soċjetà ċivili”. Kull sena, il-premju jkopri aspett differenti tal-ħidma tal-KESE. It-tema tal-Premju fl-2018 kienet il-valuri, l-identitajiet u l-wirt kulturali Ewropej bħala mod kif l-Ewropej jingħaqdu flimkien.

Aktar dettalji dwar il-Premju tas-Soċjetà Ċivili 2019 huma disponibbli hawnhekk. Tista’ tara l-filmat bid-dettalji dwar il-proġetti rebbieħa hawnhekk.