
Kważi għaxar snin wara l-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, u minkejja sinjali pożittivi f’għadd ta’ Stati Membri, l-UE għadha mifnija minn livell għoli ta’ qgħad. Minkejja t-titjib reċenti, 8.6% tal-popolazzjoni attiva – kważi 21 miljun ruħ – ma kellhomx xogħol fl-2016.
Jeħtieġ li diversi forom ta’ qgħad jiġu indirizzati b’mod prijoritarju. Il-qgħad fit-tul huwa responsabbli għal kważi 50% tat-total u jwassal għat-telf tal-ħiliet, tnaqqis fl-involviment fis-suq tax-xogħol u riskju ogħla ta’ esklużjoni soċjali. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa problema urġenti oħra, li jgħodd ’il fuq minn 19% fl-2016. In-nisa, b’mod partikolari l-ommijiet u oħrajn b’responsabbiltà ta’ kura, għadhom sottorappreżentati fil-forza tax-xogħol.
L-għadd ta’ nies fil-periklu tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali fl-UE żdied minn 116-il miljun fl-2008 għal kważi 118-il miljun fl-2016. Il-qgħad huwa wieħed mill-kawżi prinċipali, peress li x-xogħol normalment jagħmilha possibbli li n-nies jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà, jibnu netwerks soċjali u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom. Dan għandu jitqies ukoll flimkien mal-isforzi tagħna biex niġġestixxu s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni.
Fejn aħna għandna nfittxu l-opportunitajiet, l-iżvilupp teknoloġiku, il-bidla demografika, il-globalizzazzjoni u x-xejriet ġodda ta’ produzzjoni jinkoraġġixxu d-dumping soċjali, l-isfruttament tal-forza tax-xogħol, iż-żieda fl-ideoloġiji li jiċħdu s-solidarjetà u l-erożjoni tal-benefiċċji tal-mudell soċjali Ewropew. Qed jintilfu impjiegi tajbin, stabbli u full-time, li qed jiġu sostitwiti minn diversi tipi ta’ xogħol li huma irregolari, prekarji jew imħallsa tant ħażin li lanqas biss joffru mezz biex wieħed joħroġ mill-faqar. Sfortunatament, il-kunċett tal-ħaddiema foqra ma nistgħux ninjorawh fl-Ewropa.
F’dan l-isfond, il-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2017 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jippremja proġetti li jippromovu impjiegi ta’ kwalità tajba u l-intraprenditorija. Il-proġetti jiffokaw fuq iż-żgħażagħ, il-migranti u oħrajn li qed isibuha diffiċli jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Huwa ta’ pjaċir u privileġġ kbir tiegħi li nippreżenta dal-premju lir-rebbieħa. Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nawguralhom, iżda wkoll biex nagħti ġieħ lill-individwi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha li jistħoqqilhom kull tifħir għax-xogħol kbir u l-impenn tagħhom biex ħajjet in-nies titjieb, u dawn huma xempju għal kulħadd. Ir-rebbieħa tal-premju kienu ħamsa biss dis-sena, iżda jekk wieħed iħares lejn il-bosta proposti eċċellenti li rċevejna, is-soċjetà Ewropea toħroġ rebbieħa bis-saħħa tal-kontribut tas-soċjetà ċivili.
Il-President tal-KESE Georges Dassis