Hemm ħafna x’tilmenta dwar l-istat tad-demokrazija b’mod ġenerali, u dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) b’mod partikolari.

Skont l-aktar “Rapport dwar id-Demokrazija Dinjija” reċenti ppreżentat minn “Varjetajiet tad-Demokrazija” fis-7 ta’ Marzu, il-perċentaġġ ta’ persuni li jgħixu f’demokraziji naqas meta jitqabbel ma’ kważi 40 sena ilu. U minkejja li din is-sena fid-dinja kollha, in-numru ta’ persuni eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjonijiet huwa iktar minn qatt qabel, għadd kbir ta’ pajjiżi li qed jospitaw dawk l-elezzjonijiet qed isiru aktar awtokratiċi.

Kien hemm ilmenti dwar din is-sitwazzjoni anke matul l-ewwel edizzjoni tal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili organizzata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fil-bidu ta’ Marzu. Dawn l-ilmenti kienu jikkonċernaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, l-ewwel għodda demokratika diretta transfruntiera fid-dinja. “Ikkumplikata wisq”, “xejn mhi attraenti,” “ma tantx hemm hemm fiduċja,” “ineffiċjenti” u “ftit magħrufa” – dawn huma biss ftit mill-fehmiet li ma tantx huma sbieħ li l-partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili, mill-media, mill-akkademja u mill-amministrazzjoni għandhom dwar l-IĊE.

Naħseb li dawn il-valutazzjonijiet kritiċi ħafna mhux biss huma korretti b’mod skoraġġanti, iżda huma wkoll wkoll kawti u moderati wisq fil-kritika tagħhom. Id-demokrazija jistħoqqilha dominanza dinjija. Biex niksbu dan, aħna, bħala ċittadini u votanti eliġibbli fuq din il-pjaneta bħalissa, għandna nimmiraw fl-għoli biex niksbu aktar milli għandna bħalissa. 

Dan ifisser li nagħmlu aktar milli nillimitaw ruħna bid-difiża kontra l-biża’, id-dittaturi tal-lum u s-segwaċi kodardi tagħhom. Jeħtieġ li nieħdu passi ferm akbar ’l quddiem. L-iżvilupp ulterjuri tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ikun pass bħal dan.

Għax x’tikkonsisti fil-prattika l-IĊE? Fi tliet affarijiet. Dritt, strument u għodda li qatt ma eżistiet fi kwalunkwe ħin ieħor fl-istorja jew fi kwalunkwe post ieħor fid-dinja. Inizjattiva kumplessa u mfassla b’mod komprensiv, diġitali, direttament demokratika, transnazzjonali, għandha infrastruttura ta’ appoġġ u tintuża tajjeb. 

Mill-2012 ’l hawn, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej l-ewwel inħolqot, imbagħad ġiet introdotta, implimentata u mtejba, u b’hekk saret prova ħajja li l-ispazju demokratiku jista’ jiġi estiż u kkonsolidat anke fl-aktar ċirkostanzi diffiċli.

Is-sena d-dieħla, fl-età ta’ 13-il sena, nisperaw li din it-tifla mfissda ssir adolexxenti li tista’ turi lill-Ewropa u lid-dinja dak li kapaċi tagħmel. U neħtieġu din is-saħħa friska u feroċi biex b’mod deċiżiv nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-mentalitajiet riġidi tal-istati nazzjon u l-istrutturi burokratiċi tal-Unjoni Ewropea. 

Ejjew inkunu ċari – m’għandniex bżonn li kontinwament u bla waqfien nivvintaw mill-ġdid forom demokratiċi ta’ għajxien flimkien, li spiss jiġu deskritti bħala “innovazzjoni”. Minflok, jeħtieġ li niddedikaw ruħna għall-IĊE, biex niżguraw li fl-aħħar ta’ dan id-deċennju din tagħlaq 16-il sena, jew mill-inqas 18 sena.  

Dan xi jfisser? Sal-2028 jew l-2030, jeħtieġ li jseħħu żewġ bidliet importanti. L-ewwel nett, is-setgħat tat-tfassil tal-aġenda tal-IĊE jeħtieġ li jsiru l-istess bħal dawk tal-Parlament Ewropew. Fi kliem ieħor, l-Ewropej għandhom ikunu jistgħu jipproponu leġiżlazzjoni u azzjonijiet governattivi oħra bħalma jistgħu jagħmlu l-membri eletti tal-Parlament Ewropew.

It-tieni, iċ-ċittadini tal-UE għandhom, sa tmiem dan id-deċennju, ikunu jistgħu jibdew mhux biss leġiżlazzjoni, iżda votazzjonijiet popolari madwar l-Ewropa kollha dwar kwistjonijiet sostantivi – spiss sempliċement imsejħa referenda. Ir-referendum pan-Ewropew mhuwiex idea ġdida, iżda huwa idea li issa mmaturat, bis-saħħa tat-twelid u l-ħajja bikrija tal-IĊE.

Jekk dan it-tip ta’ futur jista’ jinbena madwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, in-nies ser iħarsu lura lejn din l-għodda, u lejn dan iż-żmien, bħala dik li pproduċiet waħda mill-aktar kisbiet demokratiċi impressjonanti minn mindu ġiet introdotta l-votazzjoni universali u ugwali fis-seklu 20.