You are here

Ambjent

L-isfidi ambjentali jinsabu kullimkien. Hemm ħtieġa urġenti biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u biex tittejjeb il-kwalità tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija – biex insemmu biss ftit oqsma problematiċi.

Fost l-eżempji ta’ problemi ambjentali globali, it-telf tan-naħal huwa simboliku. Il-benessri u r-rwol tan-naħal bħala dakkara huma sinifikanti għall-bijodiversità. Aktar minn 50 % tal-kolonji tan-naħal qed jonqsu meta mqabbla maċ-ċifri minn ftit snin ilu. Id-data f’oqsma oħra tindika kwistjonijiet allarmanti oħra. Il-kwalità ħażina tal-arja fiż-żoni urbani turi l-ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-isforzi. Aktar minn nofs il-popolazzjoni urbana tista’ tiġi affettwata minn livelli ta’ tniġġis li jaqbżu l-linji gwida tad-WHO. Fl-UE, dan jista’ jirriżulta f’mijiet ta’ eluf ta’ mwiet prematuri kull sena.

Is-sitwazzjoni ffil-baħar mhijiex aħjar minn dik ta’ fuq l-art. Eżempju b’impatt ambjentali qawwi huwa l-użu mifrux tal-boroż tax-xiri tal-plastik li jistgħu jintremew. Biljuni ta’ boroż li jistgħu jintremew jintużaw kull sena madwar id-dinja u l-boroż tal-plastik, filwaqt li jintużaw biss għal medja ta’ ftit minuti, jibqgħu fil-miżbliet jew fl-oċeani għal eluf ta’ snin.

Il-KESE qed jaħdem biex jippromovi politika ambjentali effettiva u progressiva fil-livell tal-UE u biex jinstabu soluzzjonijiet li jikkontribwixxu għal ħarsien aħjar tal-ambjent u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali.

Minbarra li jipprovdi konsulenza politika, il-KESE qiegħed ukoll jieħu approċċ prattiku biex jgħin jippreserva l-bijodiversità lokali permezz ta’ proġetti fuq skala żgħira, bħas-“soqfa ekoloġiċi” jew li jinżammu d-doqqajs fuq nett fil-bini tiegħu.