You are here

POLITIKA TA’ KOEŻJONI, REĠJONALI U URBANA

Il-politika reġjonali tal-UE hija politika ta’ investiment li għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fl-UE u tippromovi l-koeżjoni, it-tkabbir u l-impjieg. L-investimenti tagħha ta’ EUR 351,8 biljun allokati għall-2014-2020 huma użati biex tiġi implimentata l-Istrateġija Ewropa 2020. Is-solidarjetà hija prinċipju fundamentali tal-UE, u l-politika reġjonali tpoġġiha fil-prattika, partikolarment f’reġjuni li għadhom lura, li jbatu minn żvantaġġi demografiċi severi jew li huma ġeografikament iktar żvantaġġati, bħall-gżejjer u r-reġjuni transkonfinali u muntanjużi. Il-politika ta’ koeżjoni u reġjonali tkopri wkoll ir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni urbani.

Il-KESE u l-politika reġjonali u urbana

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-politika reġjonali tal-UE biex issaħħaħ is-solidarjetà u tippromovi l-iżvilupp. L-Opinjonijiet tiegħu dejjem enfasizzaw ir-rwol attiv tal-politika sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni fost ir-reġjuni differenti tal-UE. Il-KESE huwa favur il-prinċipju tas-sħubija u jgħin jiżgura li dan jiġi implimentat. Apparti l-Opinjonijiet, il-KESE, permezz tal-membri tiegħu, huwa proattiv fid-diskussjonijiet u fl-appoġġ tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili. Hemm ukoll interess qawwi sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni territorjali li tmur lil hinn mill-fruntieri amministrattivi u tindirizza l-ħtiġijiet reali fil-livell lokali (bħal fiż-żoni makroreġjonali u ż-żoni urbani funzjonali). Il-KESE minn dejjem appoġġja b’mod attiv u appella għal inizjattivi Ewropej favur l-iżvilupp u l-integrazzjoni taż-żoni urbani madwar l-Unjoni Ewropea.