Il-migrazzjoni u l-ażil

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea huwa politika Ewropea prospettiva u komprensiva dwar il-migrazzjoni u l-ażil ibbażata fuq is-solidarjetà. Il-politika dwar il-migrazzjoni hija maħsuba biex tistabbilixxi approċċ ibbilanċjat li jittratta kemm l-immigrazzjoni regolari kif ukoll dik irregolari.

Is-soċjetà ċivili organizzata taqdi rwol ewlieni biex issawwar il-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni b’dimensjoni soċjali u valur miżjud. Permezz tal-appoġġ tagħha lir-rifuġjati u l-migranti, is-soċjetà ċivili tikkontribwixxi wkoll għal ġestjoni tal-migrazzjoni aktar uman u għall-integrazzjoni b’suċċess tal-migranti ġodda. L-inklużjoni soċjali tal-migranti ġodda tista’ ssir biss fil-livell l-eqreb għaċ-ċittadini, bħal fil-postijiet tax-xogħol, l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet.

Il-kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni huma ttrattati mis-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC) jew mis-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni (REX). Il-Grupp ta’ Studju Tematiku dwar l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni (IMI) jopera taħt l-awspiċi tas-Sezzjoni SOC, u jorganizza avvenimenti b’enfasi fuq ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni.

Is-Sezzjoni SOC tipprovdi wkoll is-segretarjat għall-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMF), li l-KESE jorganizza flimkien mal-Kummissjoni Ewropea. Il-Forum huwa pjattaforma għal djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Ewropej dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Mill-inqas darba f’sena, dan ilaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE.