You are here

Grupp tal-Ħaddiema (II)

Il-Grupp tal-Ħaddiema (Grupp II) huwa magħmul minn rappreżentanti tat-trejdjunjins nazzjonali, konfederazzjonijiet u federazzjonijiet settorjali. Il-membri tiegħu jirrappreżentaw aktar minn 80 organizzazzjoni tat-trejdjunjins – il-maġġoranza l-kbira tagħhom huma affiljati mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) jew il-federazzjonijiet settorjali tagħha.

Għalkemm il-mudell soċjali Ewropew huwa eżempju għal parti kbira tad-dinja, għad hemm wisq nies li qed ibatu jew li huma esklużi mis-soċjetà minħabba l-faqar, id-diskriminazzjoni, in-nuqqas ta’ edukazzjoni, jew żvantaġġi oħrajn.

Il-prijoritajiet ewlenin tal-Grupp II minn dejjem kienu l-livell massimu ta’ impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema fl-Ewropa u l-benesseri taċ-ċittadini kollha tal-UE, kif ukoll tal-ħaddiema u l-familji tagħhom f’kontinenti oħra.

Huwa impenjat bis-sħiħ lejn it-tkabbir u t-tisħiħ tal-UE, bħala żona ta’ prosperità, libertà u demokrazija, appoġġ reċiproku, solidarjetà u koeżjoni soċjali, u jimmira biex jiżgura li l-ħaddiema jistgħu jkollhom rwol reali fit-tfassil tal-politika Ewropea.