Il-Georgia, front ieħor għar-Russja

Tmiem l-2023 se jkun mument perikoluż għall-Georgia. F’Diċembru, il-Kunsill Ewropew għandu jiddeċiedi jekk jagħtix l-istatus ta’ “pajjiż kandidat tal-UE” lill-eks Repubblika Sovjetika. 

F’Ġunju 2022, il-Kunsill ċaħad dan l-“istatus” lill-Georgia, għall-kuntrarju tal-Ukrajna u l-Moldova, minħabba l-politika manifestament ostili tal-gvern tal-Georgia lejn il-Punent, u għalhekk favur ir-Russja. Filwaqt li rrikonoxxa li l-Georgia kellha “perspettiva Ewropea”, il-Kunsill għamel l-istatus ta’ pajjiż kandidat soġġett għall-implimentazzjoni ta’ 12-il prijorità, li jirrelataw pereżempju għat-titjib tal-ambjent tal-media u għall-indipendenza tal-ġudikatura.

Il-kuntest ta’ dan il-pajjiż huwa mmarkat b’tensjonijiet soċjopolitiċi interni kbar minħabba d-diverġenzi ta’ fehmiet bejn il-partit fil-gvern, il-partit "Ħolma Georgjana” tal-oligarka Bidzina Ivanichvili (li akkumula fortuna ta’ EUR 4.5 biljun fir-Russja), u l-3.7 miljun poplu Georgjan. Min-naħa waħda, hemm gvern li ilu fil-poter sa mill-2012 u li progressivament implimenta politika li llum tidher biċ-ċar li hija favur ir-Russja; min-naħa l-oħra, hemm popolazzjoni li, skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, 81% hija favur li tissieħeb mal-UE.

Is-sitwazzjoni hija ta’ tensjoni, anke għaliex hemm il-perċezzjoni li l-gvern Russu qed jimmanipula lill-gvern Georgjan. Kif nistgħu nispjegaw mod ieħor għala l-partit "Ħolma Georgjana” pprova jadotta liġi dwar l-hekk imsejħa “aġenti barranin”, li hija ispirata mil-liġi Russa tal-2012, li tista’ tirrita lill-Georgjani li jqisu li dan l-abbozz ta’ liġi jista’ jfisser li jistgħu jitilfu darba għal dejjem it-tamiet tagħhom li jersqu viċin l-Ewropa?

Il-gvern Russu qed jaħdem biex jappoġġja lill-gvern ta’ “Ivanichvili” fil-politika tiegħu li jitbiegħed minn mal-Punent. Filwaqt li l-gvern Georgjan qiegħed sistematikament jimmina r-rabtiet mas-sħab tal-Punent (permezz ta’ kontroversja kostanti mar-rappreżentanti Ewropej u Amerikani u propoganda dwar allegazzjonijiet dwar l-intenzjonijiet tal-Punent li jiftħu t-tieni front fil-Georgia sabiex idgħajfu lir-Russja), il-Kremlin qed ifaħħar id-deċiżjonijiet tal-gvern “Ivanichvili” u qed jieħu passi biex jikkuntenta lill-opinjoni pubblika fil-Georgia – passi bħal li jdaħħal lura titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi (li ilhom sospiżi mill-2019) u li jabolixxi l-ħtieġa ta’ viża għall-Georgjani li jivvjaġġaw lejn l-eks qawwa kolonjali.

Dan huwa “cocktail” splussiv ftit xhur lil hinn mid-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, li hija meqjusa bħala storika minn ħafna Georgjani. Parti mill-opinjoni pubblika Georgjana ma ħaffritx lit-tim tas-Sur Ivanichvili talli ġab lill-pajjiż lura taħt l-isfera ta’ influwenza Russa. Parti oħra, forsi l-maġġoranza, tippreferi li tqis lilha nnifisha bħala pro-Ewropea, iżda ma tafx x’għandha taħseb fid-dawl tal-kritika kawstika kontra l-Punent fil-komunikazzjoni tal-gvern, u tidher imħassba biex ma tiġix irritata r-Russja li hija aktar aggressiva minn qatt qabel. Ir-riskji għas-sigurtà huma kbar wisq f’pajjiż li, ta’ min ifakkar, kien il-post tal-bidu tal-prova tal-qawwa bejn Moska u l-Punent permezz tal-gwerra Russa-Georgjana fl-2008.