Il-pjan ta’ azzjoni għal industrija b’emissjonijiet żero netti m’għandux viżjoni li tiżgura li l-industrija tal-Ewropa tibqa’ kompetittiva u tattira l-investiment.
Il-KESE jemmen li l-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u l-Att dwar l-Industrija Netta Żero huma tajbin b’mod ġenerali, iżda għandhom ikunu aktar speċifiċi fir-rigward tal-azzjonijiet li se jittieħdu biex jittejbu l-fatturi tal-lokalità, biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-ekonomiji Ewropej u biex jiddistingwu lill-UE mir-rival sistemiċi tagħha.
“Nilmentaw ħafna l-fatt li kellu jkun l-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni fl-Istati Uniti li mbotta lill-UE tieħu azzjoni,” qalet Sandra Parthie, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u l-Att dwar l-Industrija Netta Żero. “Xtaqna li dan seħħ qabel. Xtaqna li kieku l-UE rreaġixxiet b’mod aktar b’saħħtu u b’aktar konvinzjoni, biex turi lill-kumpaniji u lis-soċjetajiet tagħna li verament irridu li l-Ewropa tibqa’ rilevanti bħala post industrijali, b’impjiegi tajbin u pagi tajbin għall-ħaddiema.”
L-industrija Ewropea saret inqas kompetittiva minn dik tar-rivali ewlenin tagħha tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. Il-PDG per capita fl-UE naqas minn madwar 70 % ta’ dak fl-Istati Uniti fis-snin 2000 għal inqas minn 66 %. L-ishma tal-Istati Uniti u tal-UE tal-investiment gross tad-dinja naqsu minn 29 % għal 20 % u minn 23 % għal 15 % rispettivament bejn l-1999 u l-2020.
Sabiex titreġġa’ lura din ix-xejra ‘l isfel, il-KESE jirrakkomanda li jsir awditu biex jiġi identifikat kif l-UE tista’ tikkontrolla u ttejjeb il-ktajjen tal-valur tagħha u tevita dipendenzi eċċessivi. Jissuġġerixxi wkoll li l-abbozzi kollha ta’ leġiżlazzjoni tal-UE jkunu soġġetti għal kontroll tal-kompetittività.
Il-KESE jenfasizza li l-problema tal-burokrazija u tal-ħin ta’ proċessar teħtieġ azzjoni aktar b’saħħitha. Pereżempju fir-rigward tal-finanzjament pubbliku: id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u l-aċess għall-finanzjament għall-proġetti jdumu wisq. Il-KESE jargumenta li, jekk irridu nevitaw li l-investituri jirrilokaw in-negozju tagħhom band’oħra, neħtieġu miżuri biex niżguraw finanzjament f’waqtu u aċċessibbli, kemm għall-ispejjeż operattivi kif ukoll għan-nefqa kapitali, li jkopru t-tipi kollha ta’ negozji, kbar u żgħar.
Il-proċess għall-ħruġ tal-permessi huwa punt ieħor li fir-rigward tiegħu l-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku mhuwiex aġġornat: dan jidentifika għadd ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero li għandhom jingħataw permessi rapidi u aktar appoġġ finanzjarju għall-proġetti, u b’hekk setturi oħra jispiċċaw jiffaċċjaw aktar diffikultajiet.
Fil-fehma tal-KESE, il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u l-Att dwar l-Industrija Netta Żero jiffokaw b’mod strett wisq fuq il-promozzjoni tat-teknoloġiji ekoloġiċi u l-għażla tar-rebbieħa. Minflok, għandhom jinkoraġġixxu industrija diversa b’firxa wiesgħa ta’ setturi.
L-Ewropa tospita ħafna industriji peżanti u primarji intensivi fl-enerġija li jeħtieġu dekarbonizzazzjoni u li mhumiex inklużi fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku.
It-tħaffif tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat huwa nassa potenzjali oħra, peress li jista’ jwessa’ d-distakk bejn l-Istati Membri aktar sinjuri u dawk ifqar, li ma għandhomx l-ispazju fiskali biex jinvestu fit-tranżizzjoni ekoloġika u biex jappoġġjaw lill-industriji avvanzati u l-unitajiet domestiċi tagħhom. Huwa għalhekk li għandu jkun hemm dibattitu serju dwar Fond Ewropew għas-Sovranità biex jipprovdi finanzjament addizzjonali fil-livell tal-UE għat-tranżizzjoni.
Iċ-ċifri tal-Kummissjoni Ewropea juru li hemm potenzjal sinifikanti ta’ ħolqien ta’ impjiegi fil-qasam tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, meta wieħed iqis li hemm 180 000 ħaddiem meħtieġa fil-manifattura tal-idroġenu taċ-ċelloli tal-fjuwil, 66 000 fil-manifattura solari fotovoltajka u 800 000 fil-produzzjoni tal-batteriji.
Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku jappoġġja l-iżvilupp tal-ħiliet ekoloġiċi, iżda l-KESE jsostni li għandu jappoġġja l-iżvilupp tal-firxa sħiħa ta’ ħiliet meħtieġa fl-industrija. Għandu wkoll iħaffef u jistandardizza l-permessi tax-xogħol għal ħaddiema kwalifikati li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. (dm)
Inqas