Bl-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju 2024 iwittu t-triq għall-futur tal-Ewropa, il-KESE, bħala msieħeb istituzzjonali tas-soċjetà ċivili, qed jorganizza l-ewwel Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tiegħu, bit-titolu Ilkoll Flimkien għad-Demokrazija!

Se tieħu sehem?

Se niġbru flimkien nies ta’ firxa ta’ etajiet u b’varjetà ta’ sfondi, fosthom żgħażagħ, ġurnalisti, u rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, biex jinvolvu ruħhom f’dibattitu mqanqal dwar kwistjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum u l-futur tal-Ewropa. Se nindirizzaw id-diversi theddidiet u sfidi għall-valuri demokratiċi, kif ukoll dak li s-soċjetà ċivili tistenna mill-mexxejja futuri tal-Ewropa. Il-proposti tagħna mbagħad jiġu inkorporati fir-Riżoluzzjoni tal-KESE għall-elezzjonijiet u proposti ta’ politika speċifiċi.

 #CivSocWeek se tiġbor flimkien ħames inizjattivi ewlenin tal-KESE:

  • Il-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili – avveniment annwali ewlieni li jenfasizza l-firxa wiesgħa ta’ kontributi mis-soċjetà ċivili organizzata għall-bini ta’ UE li hija aktar konformi mal-aspettattivi taċ-ċittadini dwar kwistjonijiet kruċjali għas-soċjetajiet demokratiċi tagħna. L-għan huwa li jiġi mħeġġeġ involviment akbar tas-soċjetà ċivili fil-proġett Ewropew fil-livelli kollha.
  • Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej – konferenza annwali ta’ livell għoli, li tipprovdi forum u pjattaforma fejn organizzaturi u partijiet ikkonċernati rreġistrati u futuri tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) jistgħu jiskambjaw informazzjoni u esperjenzi u jippreżentaw l-attivitajiet tagħhom relatati mal-IĊE lill-pubbliku.
  • L-Ewropa Tiegħek, Leħnek avveniment taż-żgħażagħ li jgħaqqad liż-żgħażagħ, mill-Istati Membri, mill-pajjiżi kandidati u mir-Renju Unit, mal-UE, u jispirahom jeżerċitaw id-dritt demokratiku tagħhom li jivvutaw. Permezz ta’ sessjonijiet ta’ konsultazzjoni dinamiċi, il-parteċipanti żgħażagħ se jinvolvu ruħhom f’dibattiti, irawmu l-kollaborazzjoni, u jilħqu kunsens.
  • Premju għas-Soċjetà Ċivili – premju annwali li jippremja proġetti effettivi, innovattivi u kreattivi mmexxija mis-soċjetà ċivili u l-individwi. Din is-sena l-premju se jingħata għal inizjattivi li jappoġġjaw il-benesseri mentali fl-Ewropa fuq bażi individwali jew kollettiva.
  • Seminar għall-Ġurnalisti se jlaqqa’ flimkien ġurnalisti mill-Istati Membri biex jingħaqdu fid-diskussjonijiet dwar l-istat tad-demokrazija fl-Unjoni u l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin u biex jesperjenzaw direttament kif jaħdem il-Kumitat.

Ingħaqad magħna u ispira ruħek mill-workshops tagħna mmexxija mill-esperti u mid-dibatitti ta’ livell għoli. Semma leħnek dwar kwistjonijiet ewlenin għaċ-ċiklu leġiżlattiv il-ġdid u għamel kuntatt mal-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma’ dawk li jfasslu l-bidla minn madwar l-Ewropa kollha!

Ara l-paġna web #CivSocWeek u xerred il-kelma!