Fl-aħħar sena, il-kompetittività telgħet ’il fuq fl-iskala tal-prijoritajiet tal-UE fil-politika Ewropea u ħadd ma jista’ jinjora l-importanza tagħha għall-futur tal-UE.
Il-kompetittività kienet tema ewlenija tad-diskors annwali li l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tat lill-Parlament Ewropew f’Settembru tas-sena l-oħra dwar l-Istat tal-Unjoni. Von der Leyen wiegħdet li tagħmel dak li hemm bżonn biex tiddefendi l-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa.
Il-kumpaniji Ewropej qed jitħabtu biex jirreklutaw ħaddiema tas-sengħa, ir-regolamentazzjoni tas-setturi ewlenin hija aktar stretta milli fil-pajjiżi kompetituri l-oħra, jiġifieri l-Istati Uniti u ċ-Ċina, il-livell tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huwa aktar baxx, u l-infrastruttura fiżika u diġitali qed iżżomm lura l-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku. Dawn l-isfidi huma magħrufa sew u ġew dokumentati f’diversi studji.
Von der Leyen inkarigat ukoll lil Mario Draghi, eks kap tal-Bank Ċentrali Ewropew, biex iressaq proposti konkreti dwar kif tista’ tittejjeb il-kompetittività tal-UE. Dan jintlaqa’ tajjeb. Madankollu, is-suġġerimenti tajbin mhux se jkunu biżżejjed, irid ikun hemm ukoll ir-rieda politika u l-kapaċità biex jiġu implimentati.
L-UE stabbiliet għaliha nnifisha l-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-influwenza tagħha fid-dinja, iżda qed titlef il-kompetittività meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan. Is-sehem tal-UE fl-ekonomija dinjija huwa mbassar li jonqos b’mod kostanti minn kważi 15% għal 9% biss sal-2050.
Għalhekk, bilfors iridu jittejbu l-produttività u l-kompetittività tal-UE. Għal dan il-għan, l-UE trid tadotta aġenda tal-kompetittività, li, b’konformità mal-prinċipji tas-suq uniku u tal-ekonomija soċjali tas-suq, tħares ’il quddiem, tkun definita tajjeb u kkoordinata, u tippromovi l-prosperità tan-negozji u tal-ħaddiema, ittejjeb il-kapaċità tagħhom li jinnovaw, jinvestu u jinnegozjaw u jikkompetu fis-suq globali għall-ġid komuni, kif ukoll tixpruna t-tranżizzjoni tagħna lejn in-newtralità klimatika. Dan huwa essenzjali mhux biss biex jiġu żgurati l-prosperità, l-innovazzjoni, l-investiment, il-kummerċ u t-tkabbir futuri, iżda wkoll biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba u jogħlew l-istandards tal-għajxien.
Din hija r-raġuni għaliex il-kumpaniji tal-UE għandhom aspettattivi ċari b’dan il-momentum il-ġdid, u qed jitolbu pożizzjonament ġdid għall-kompetittività fi ħdan qafas ekonomiku u soċjetali usa’ fit-tul.
Il-KESE ilu jaħdem biex jidentifika l-fatturi u l-atturi li jinfluwenzaw il-kompetittività u l-produttività fit-tul u li jridu jiġu kkunsidrati f’viżjoni integrata. Ħdimna dwar l-ekosistemi tal-kompetittività bl-ambizzjoni li nispjegaw lis-servizzi tal-Kummissjoni liema huma l-indikaturi li għandhom ikomplu jtejbu jew jikkomplementaw.
Għalhekk, l-approċċ ibbażat fuq il-pajjiż għall-valutazzjoni tal-kwistjonijiet u kif għandhom jissolvew jidher li huwa angolu kruċjali li l-Kummissjoni ma indirizzatx biżżejjed fiż-żewġ komunikazzjonijiet tagħha dwar il-kompetittività fit-tul.
B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni fasslet lista ta’ 17-il fattur ta’ prestazzjoni li għandhom jiġu vvalutati kull sena għad-9 dimensjonijiet tal-kompetittività identifikat. Iżda jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jirrispettawhom bis-sħiħ u li l-Kummissjoni jkollha l-mezzi adegwati ta’ infurzar biex tobbligahom jagħmlu dan. Dan huwa dak li qed nitolbu.
Dwar l-indikaturi, il-quċċata tal-lista tinkludi:
- Aċċess għall-finanzi, b’kost raġonevoli iżda mingħajr ma jiġu ppenalizzati l-ġenerazzjonijiet futuri.
- Fir-rigward tas-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura kritika, jeħtieġ li ninvestu u nkejlu aħjar dawn l-investimenti. Nipproponu sitt parametri ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.
- Dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni: żieda fil-kooperazzjoni hija essenzjali, sew jekk pubblika/privata, reġjonali, kif ukoll jekk globali.
- Dwar in-networks tad-data u l-enerġija, is-sigurtà, newtralità fil-prezzijiet u newtralità klimatika huma l-kliem ewlenin.
- F’termini ta’ ċirkolarità, ir-rwol tal-UE ma għandux għalfejn jintwera aktar, iżda jeħtieġ li nagħtu attenzjoni biex nibbilanċjaw il-kompetizzjoni bejn l-operaturi.
- Il-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar id-diġitalizzazzjoni huwa prekursur: konnettività, IA, data, eċċ. F’dan il-qafas leġiżlattiv, jeħtiġilna nilqgħu l-isfida li nibbilanċjaw l-aspetti umani mal-wegħdiet tat-teknoloġija diġitali.
- L-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu kapaċi jindirizzaw l-isfidi demografiċi u soċjoloġiċi.
- F’termini ta’ awtonomija strateġika u kummerċ, id-dipendenzi tagħna huma d-dgħufijiet tagħna. In-negozji jeħtieġ li jorganizzaw lilhom infushom mill-ġdid u l-UE jeħtieġ li tipprovdi qafas abilitanti li jindirizza din l-isfida.
Fl-aħħar nett, dwar is-suq uniku, aħna ntennu bis-sħiħ il-ħtieġa li l-Istati Membri jsegwu r-regoli tal-acquis communautaire u l-prinċipji tat-Trattati. It-tneħħija tal-ostakli u kontroll ġenwin. Ir-rieda politika tal-gvernijiet tal-UE biex jimplimentaw dak li jinnegozjaw fi Brussell, u l-kapaċità tal-Kummissjoni li taħdem f’servizzi interdipartimentali u mhux b’mod kompartimentalizzat li jikkontribwixxi għal aktar inkonsistenzi. Dan huwa dak li għandna bżonn.
Qatt mhu se ngħiduh biżżejjed.
U f’dan il-kuntest, ejjew inserrħu fuq Brussell għar-riżultati tal-kontrolli tal-kompetittività u nużaw ir-raggruppamenti industrijali reġjonali fil-livell nazzjonali. L-għodod hemm qegħdin, ejja nużawhom.
Inqas