Is-sejħa tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal Patt Blu tal-UE qed tikseb appoġġ minn dawk li jfasslu l-politika u mis-soċjetà ċivili. Dan il-momentum huwa xprunat minn rikonoxximent dejjem akbar tal-urġenza li tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-ilma, u l-potenzjal tal-Patt Blu li jipprovdi soluzzjoni komprensiva.

Avveniment reċenti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) laqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati ewlenin biex jiddiskutu l-Patt Blu u l-potenzjal tiegħu li jittrasforma l-prattiki tal-ġestjoni tal-ilma madwar il-kontinent, b’enfasi fuq il-baċiri tax-xmajjar.

“Qed niffaċċjaw kriżi tal-ilma ta’ proporzjonijiet bla preċedent”, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke. B’referenza għall-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin f’Ġunju, huwa nnota li l-ilma huwa suġġett li jikkonċerna lil kull ċittadin. “Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE kif se jindirizzaw il-kwistjoni tal-ilma u l-isfidi li għandna quddiemna? Wasal iż-żmien li nistaqsu dawn il-mistoqsijiet”.

L-MEP Pernille Weiss, fl-istess ħin li tenniet is-sejħiet għal soluzzjoni komprensiva, irrakkomandat fond iddedikat għat-tranżizzjoni tal-ilma biex jappoġġja lin-negozji u lill-komunitajiet fit-tranżizzjoni lejn prattiki tal-ilma sostenibbli. Ir-Rapporteur Speċjali tan-NU Pedro Arrojo-Agudo enfasizza li l-iskarsezza tal-ilma u t-tibdil fil-klima ma jagħfu bl-ebda fruntieri, u appella lill-UE biex tkun minn ta’ quddiem biex issib soluzzjoni globali għall-kriżi tal-ilma.

Is-sejħa tal-KESE għal Patt Blu tal-UE ntlaqgħet minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, fosthom il-Compagnie Nationale du Rhône (CNR), kumpanija Franċiża ta’ interess pubbliku li tamministra x-xmara Rhône. Id-Direttur tar-Riżorsi tal-Ilma tas-CNR, Eric Divet, wera r-riżultati pożittivi tal-kumpanija fil-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, inklużi l-isforzi li jiġu restawrati l-artijiet mistagħdra, li titjieb il-bijodiversità tax-xmajjar u li jsir adattament għat-tibdil fil-klima.

Il-Kummissjoni Ewropea mistennija tiżvela l-inizjattiva tagħha dwar ir-reżiljenza tal-ilma fix-xhur li ġejjin. Il-KESE jinsab lest li jikkollabora mal-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati tal-UE biex jiżgura li l-proposti tiegħu għal Patt Blu tal-UE jkunu parti mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss. (gb)