Il-kompetittività, l-SMEs u l-inklużjoni soċjali huma fil-qalba tal-programm tal-Presidenza Belġjana. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jagħmel rakkomandazzjonijiet ta’ politika dwar ir-relazzjoni bejn il-governanza ekonomika, it-tkabbir inklużiv fit-tul u s-sigurtà sostenibbli, kif ukoll dwar is-setgħa tal-ekonomija soċjali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Fl-ewwel nofs tal-2024, il-Belġju għandu t-tlettax-il Presidenza tiegħu tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li l-prijoritajiet tagħha ġew diskussi matul żewġ dibattiti organizzati mill-KESE fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Jannar.

Il-President tal-KESE, Oliver Röpke, faħħar lill-Presidenza talli inkludiet l-imsieħba soċjali fil-ħidma tagħha. Il-Presidenza Belġjana tikkonkludi ċ-ċiklu istituzzjonali tal-UE, li jirrikjedi li l-pajjiż jittratta kompromessi leġiżlattivi u jiggwida lill-Kunsill tal-UE matul il-kampanja u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Il-Viċi Prim Ministru Belġjan, David Clarinval, ippreżenta l-fehmiet tal-Presidenza dwar ir-riforma tal-politika agrikola komuni, il-protezzjoni għall-persuni li jaħdmu għal rashom, u l-politika industrijali tal-UE. Permezz tat-talba tagħha għal 13-il Opinjoni konsultattiva mill-KESE, il-Presidenza qed timmira li tikkontribwixxi għad-diskussjonijiet dwar l-Aġenda Strateġika 2024-2029. Dikjarazzjoni interistituzzjonali f’April ser tiffoka fuq l-aġenda soċjali futura tal-UE. II-prijoritajiet tal-Presidenza jinkludu tranżizzjoni ekoloġika u soċjali, li jindirizzaw il-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità. L-enfasi tagħha fuq il-mobbiltà ġusta tal-forza tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali sostenibbli hija fil-qalba tad-djalogu tal-imsieħba soċjali tal-KESE. It-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea, l-appoġġ għall-SMEs u l-promozzjoni ta’ politika kummerċjali bbilanċjata għall-Ewropa Globali se jkunu oqsma ta’ prijorità ewlenin. (tk)