Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) nieda l-14-il edizzjoni tal-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili miftuħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, individwi u kumpaniji privati reġistrati jew li jirrisjedu fl-Unjoni Ewropea.

Permezz tal-għażla tas-saħħa mentali bħala t-tema ta’ din is-sena, il-KESE se jippremja proġetti kreattivi u innovattivi mingħajr skop ta’ qligħ li jgħinu lill-individwi b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali u joħolqu ambjent ta’ appoġġ għall-benesseri mentali tagħhom, kemm fuq livell individwali kif ukoll bħala sforz kollettiv.

Ser jiġu ppremjati total ta’ EUR 50 000 lil mhux aktar minn ħames rebbieħa. Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet hija t-30 ta’ Settembru 2023 fl-10 a.m. (ħin ta’ Brussell). Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet probabbilment se ssir matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE fir-rebbiegħa tal-2024.

Sabiex ikun eliġibbli, l-inizjattivi u l-proġetti jridu jitwettqu fl-UE. Dawn l-inizjattivi jridu jkunu diġà ġew implimentati jew ikunu għadhom għaddejjin. Biex ikunu eliġibbli, il-parteċipanti jridu jkunu koprew mill-inqas waħda mill-kwistjonijiet elenkati fil-kriterji ta’ eliġibbiltà ppubblikati fir-Regoli għall-14-il edizzjoni tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili, disponibbli fuq il-paġna web iddedikata tal-KESE.

Fost affarijiet oħra, proġetti jistgħu jiffukaw fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra riskji psikosoċjali fil-post tax-xogħol u l-promozzjoni ta’ kulturi ta’ appoġġ fil-post tax-xogħol. Jistgħu jindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet tas-saħħa mentali ta’ gruppi żvantaġġati u tal-popolazzjoni li qed tixjieħ jew jippromovu l-benesseri mentali fost it-tfal u l-adolexxenti.

Il-proġetti ffukati fuq il-ħidma komunitarja bħat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-komunitajiet lokali, il-ħolqien ta’ networks għall-involviment tal-komunità u l-istabbiliment ta’ ambjent ta’ appoġġ għas-saħħa mentali se jkunu eliġibbli wkoll. It-titjib tal-għarfien dwar is-saħħa mentali u l-ġlieda kontra l-istigma li ħafna drabi taqta’ qalb in-nies milli jfittxu l-għajnuna huma aċċettabbli wkoll bħala temi ta’ dħul.

Il-KESE jittama li l-premju tiegħu jonora u joħroġ fid-dieher l-isforzi mhux statali li saru sa issa biex jgħinu lin-nies li qed jikkumbattu problemi ta’ saħħa mentali. Dan għandu wkoll l-għan li jħeġġeġ proġetti li għaddejjin bħalissa u jispira oħrajn ġodda, u b’hekk jenfasizza l-kontribut li jistgħu jagħtu proġetti bħal dawn biex irażżnu t-tifqigħa ta’ din l-epidemija silenzjuża fl-UE.

L-għan tal-Premju ewlieni tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kontribut eċċellenti tas-soċjetà ċivili għall-ħolqien ta’ identità u ċittadinanza Ewropej u għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea. Kull sena, il-premju jiffoka fuq tema differenti ta’ rilevanza partikolari għall-UE. Is-suġġetti tal-passat inkludew iż-żgħażagħ u l-għajnuna għall-Ukrajna, il-klima u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Fl-2020, il-KESE ta Premju ta’ darba għas-Solidarjetà Ċivili, li kien iddedikat għall-ġlieda kontra l-COVID-19.

Biex tapplika, ikklikkja hawn. (ll)