Minn Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

In-nirien fil-foresti qed jinfirxu bil-qilla f’diversi pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa dan is-sajf, qed jeqirdu d-djar u l-faċilitajiet ta’ mal-kosta u jibdlu żoni vasti ta’ foresti f’wesgħat ta’ art żdingata mimlija rmied, waqt li s-Slovenja tinsab milquta mill-għargħar. L-avvenimenti klimatiċi mhumiex fenomenu ġdid fl-Ewropa, imma l-intensità tagħhom żdiedet, kemm hawn fl-Ewropa kif ukoll f’żoni oħra. M’hemm l-ebda dubju li t-tibdil fil-klima qed jagħmel dawn il-fenomeni aktar frekwenti u aktar estremi.

Bil-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija sussegwenti, l-isforzi mmirati biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u biex iniedu t-tranżizzjoni ekoloġika ġenwina fl-Ewropa spiċċaw sa ċertu punt imxekkla.

Ċerti Stati Membri adottaw għadd ta’ miżuri li de facto qed idewmu l-eliminazzjoni gradwali tal-operazzjonijiet ta’ estrazzjoni tal-fjuwils fossili, jew saħansitra qed jinvestu f’operazzjonijiet ġodda ta’ dan it-tip biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom. Din l-imġiba tibgħat messaġġi li joħolqu konfużjoni, mhux biss lill-popli tal-Ewropa iżda wkoll lil pajjiżi terzi, li jistgħu jużawhom biex jiġġustifikaw dewmien fit-tranżizzjonijiet tagħhom stess. M’hemmx dubju li dan kollu jista’ jipperikola s-summit tal-COP28 ta’ din is-sena, fejn il-pajjiżi huma mistennija jilħqu ftehim dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-karburanti fossili li jirrilaxxaw is-CO2.

Huwa għalhekk li l-UE għandha żżomm approċċ koerenti u konsistenti għall-politika dwar il-klima. Irridu nipprattikaw dak li nippridkaw! Dan l-aħħar l-UE saħħet il-ħidma tagha dwar id-diplomazija dwar il-klima, li s-suċċess tagħha jiddependi ħafna mid-deċiżjonijiet interni ta’ politika dwar il-klima li tieħu l-UE, iżda wkoll mill-implimentazzjoni effettiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Minkejja l-isfidi ġeopolitiċi ġodda li qed jaċċelleraw, l-UE jeħtiġilha tikseb għarfien aktar profond dwar l-aspetti ġeopolitiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan jitlob strateġija ġdida, robusta u kredibbli biex id-diplomazija tal-UE dwar il-klima tiġi aġġustata għax-xenarju ġeopolitiku attwali.

Minn fejn għandna nibdew? Fil-KESE, aħna nemmnu li għandna narrikkixxu s-sett ta’ għodod tad-diplomazija dwar il-klima b’inizjattivi li għandhom l-għan mhux biss li jżidu l-ambizzjonijiet klimatiċi iżda wkoll li jikkondividu l-esperjenza tal-UE u jindirizzaw ir-riskji relatati mal-klima.

Biex inħaddmu d-diplomazija dwar il-klima għandna nisfruttaw in-natura ta’ diversi livelli tagħha. Il-ħolqien ta’ Network ta’ Diplomazija tas-Soċjetà Ċivili jista’ jkun punt ta’ tluq.

Hekk kif nimxu ’l quddiem, m’hemmx ħin x’nitilfu jekk irridu nevitaw ħsara irreparabbli. Id-diplomazija dwar il-klima hija diplomazija preventiva. Din hija r-raġuni għaliex huwa ċar li hemm ħtieġa urġenti li naġġornaw id-diplomazija dwar il-klima, biex nagħmluha l-azzjoni ewlenija tal-affarijiet esterni u tal-politika barranija tal-UE.