L-inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea qiegħda fl-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat wara l-introduzzjoni tal-euro. Attwalment, hemm 96,5 miljun persuna Ewropea f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali: dawn in-nies huma dawk l-iktar milquta miż-żieda ġenerali fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi, l-ispejjeż dejjem jogħlew tal-enerġija u t-telf tal-kapaċità tal-akkwist.

Dawn huma biss ftit miċ-ċifri allarmanti żvelati fl-Opinjoni tal-KESE abbozzata minn Felipe Medina Martín u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju.

L-impatt tal-kriżi tal-enerġija fuq l-ekonomija Ewropea huwa serju. Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija, il-materja prima, is-servizzi u l-prodotti industrijali wasslu għal inflazzjoni għolja, dgħajfu t-tkabbir ekonomiku, qiegħdu pressjoni kbira fuq il-finanzi pubbliċi u n-negozji, u fl-istess ħin ipperikolaw il-kompetittività ekonomika esterna.

Biex din it-tendenza titreġġa’ lura, il-KESE jinnota li l-unitajiet domestiċi u s-setturi ewlenin (is-settur agroalimentari, tat-trasport, dak ferrovjarju, eċċ.) għandhom jibbenefikaw minn pjani għat-tnaqqis tal-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija, u jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kontroll. Il-politiki futuri għandhom ikunu mfassla apposta, immirati u reżistenti għat-tranżizzjoni, u għandhom jappoġġjaw b’mod partikolari lill-familji b’introjtu aktar baxx u b’diffikultajiet akbar.

Xi miżuri nazzjonali ta’ kontroll tal-prezzijiet urew li huma l-aktar miżura adatta biex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin ta’ prodotti bażiċi fuq il-baġits tal-familji. Pereżempju, l-“eċċezzjoni Iberika” fuq is-sistema tal-prezzijiet tas-suq tal-elettriku ppermettiet lil Spanja u lill-Portugall jillimitaw il-prezz tal-gass fl-impjanti tal-produzzjoni tal-elettriku u, b’hekk, inaqqsu drastikament il-kontijiet. It-tnaqqis temporanju tal-VAT fuq il-prezzijiet tal-elettriku, l-ikel u l-fjuwil adottat f’xi Stati Membri huwa eżempju ieħor. (mp)