L-adozzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-ġestjoni tal-ilma, it-tisħiħ tal-investiment, l-introduzzjoni ta’ tikketti tal-konsum, u r-ristrutturar tal-prezzijiet huma fost ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin stabbiliti f’sitt Opinjonijiet tal-KESE dwar l-ilma adottati fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju. Dawn jiffurmaw l-ewwel mewġa ta’ proposti tal-KESE għal politika komprensiva tal-UE dwar l-ilma taħt l-inizjattiva tiegħu dwar il-Patt Blu.

Bi tweġiba għall-isfidi urġenti f’dan il-qasam, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qiegħed fuq ta’ quddiem b’sensiela komprensiva ta’ rakkomandazzjonijiet għal politika tal-ilma sostenibbli għall-Ewropa. L-inizjattiva tiegħu dwar il-Patt Blu ssejjaħ għal approċċ unifikat fl-Ewropa kollha għall-eradikazzjoni tal-faqar tal-ilma u l-iżgurar tal-aċċess għal ilma sikur u affordabbli kif ukoll għal sanitazzjoni bħala dritt tal-bniedem.

Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati networks tal-infrastruttura u tad-distribuzzjoni tal-ilma reżiljenti. Dan jibda billi jitwettqu valutazzjonijiet tal-istat attwali tal-infrastruttura u d-disponibbiltà tal-ilma f’kull Stat Membru sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ investiment u tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tal-ilma.

Is-sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar l-ekonomija ta’ Patt Blu tal-UE tinkludi l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ pprezzar li jiskoraġġixxu konsum ħali tal-ilma u l-proposta ta’ mezzi ġodda ta’ finanzjament tal-politiki tal-ilma. Il-Kumitat għandu l-għan li jippożizzjona lill-UE bħala mexxejja globali fit-teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-ilma. Huwa jipproponi li l-ilma jiġi inkluż fil-politiki industrijali kollha tal-UE sabiex jitnaqqas il-konsum tal-ilma, jiġu promossi l-użu mill-ġdid u r-riċiklar, u jiġi indirizzat it-tniġġis tal-ilma. F’dak li jirrigwarda l-agrikultura, il-KESE jissuġġerixxi approċċ simili li jiżgura li d-dimensjoni tal-ilma tkun inkorporata bis-sħiħ fi ħdan il-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK).

Filwaqt li jirrikonoxxi s-setgħa tal-konsumaturi fl-ixprunar tal-bidla, il-KESE jixtieq jippromovi wkoll l-użu ta’ tagħmir effiċjenti fl-użu tal-ilma billi jintroduċi tikketti tal-konsum tal-ilma u prattiki ċirkolari ta’ konsum tal-ilma, li jawtonomizzaw lill-individwi biex jikkontribwixxu għas-soluzzjoni.
Dawn il-proposti ser ikunu konsolidati minn sensiela ta’ prinċipji u azzjonijiet ewlenin li ser jiġu ppreżentati lill-istituzzjonijiet Ewropej fil-konferenza dwar Sejħa għal Patt Blu tal-UE fis-26 ta’ Ottubru 2023. L-objettiv tal-KESE huwa li l-ilma jkun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss. (gb)