Grupp ta’ Studju Tematiku dwar l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni (IMI)

Il-KESE waqqaf Grupp ta’ Studju Tematiku dwar l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni (IMI), magħmul minn membri minn diversi sezzjonijiet tal-KESE li jkopru oqsma ta’ politika differenti u li jirrappreżentaw lill-Gruppi ta' Min Iħaddem, tal-Ħaddiema  , -u Diversità Ewropa. L-għanijiet ta’ dan il-grupp, li jappoġġja l-ħidma tal-KESE fir-rigward tal-migrazzjoni u l-asil, huma:

  • li jippromovi l-iżvilupp ta’ politika komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni abbażi tal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali u tas-solidarjetà, bil-kontribut qawwi tas-soċjetà ċivili,
  • li jħejji l-kontribut tal-KESE għall-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni,
  • li jagħti forma konkreta lir-rwol tal-KESE bħala faċilitatur bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-istituzzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-politika tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti.

Mill-2009 ’l hawn, il-Grupp ta’ Studju Tematiku dwar l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni fassal Opinjonijiet u organizza seduti u konferenzi dwar diversi kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni (pereżempju, il-kontribut tal-intraprendituri migranti għall-ekonomija, l-innovazzjoni soċjali għall-inklużjoni tar-rifuġjati u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili lill-migranti u r-rifuġjati). Għal dan il-għan, dan ħadem ma’ msieħba esterni mis-soċjetà ċivili, il-qasam akkademiku u mal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE. Il-membri tal-IMI jieħdu sehem b’mod attiv fil-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni. L-IMI jorganizza wkoll laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar il-format jew is-suġġetti tal-laqgħat futuri tal-Forum.