Logo EESC EPTAC

Passaport għad-Demokrazija Ewropea

  • Gwida Ta’ Malajr Għal Ċittadinanza Attiva Ewropea
  • Leħni Fl-Ewropa
  • Sett Ta’ Għodod Għall-Parteċipazzjoni
  • Gwida Għall-Inizjattiva Taċ-Ċittadini Ewropej
  • L-Appoġġ Jinsab Kull Fejn Tħares Madwarek
Ix-xena politika l-kbira tal-UE Qis qabel ma taġixxi Kwistjonijiet u kompetenzi Ewropej

IX-xena politika l-kbira tal-UE

Video

Il-governanza Ewropea qatt ma kienet daqstant importanti. Dak li jiġi deċiż fil-livell tal-UE għandu implikazzjonijiet enormi fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Fl-UE, ilkoll flimkien naqblu dwar kwistjonijiet bħal ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi oħra, kif għandna nikkonservaw ir-riżorsi tal-baħar tagħna u liema regoli għandhom jiġu applikati biex tiġi żgurata kompetizzjoni ekonomika ħielsa u ġusta.

Kun af aktar! Aqra aktar dwar liema tip ta’ suġġetti huma indirizzati fil-livell tal-UE fit-taqsima dwar il-kwistjonijiet u l-kompetenzi Ewropej.

Peress li l-UE hija demokrazija rappreżentattiva moderna b’sistema ta’ setgħat kondiviżi u istituzzjonijiet speċjalizzati, mhux dejjem ikun faċli li ċ-ċittadini individwali tal-UE jidentifikaw, jivvalutaw u jinfluwenzaw il-proċess tat-tfassil tal-politika fil-mument ġust bl-aktar għodda effiċjenti.

Għalhekk, ejja niffamiljarizzaw ruħna mad-diversi modi kif aħna, bħala ċittadini, nistgħu neleġġu u nimpenjaw lil diversi istituzzjonijiet u nsiru partijiet ikkonċernati f’rabta mat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE.

L-elezzjonijiet u l-konsegwenzi diretti tagħhom

Regolarment neleġġu l-parlamenti tagħna fil-bliet kapitali tagħna u fl-Unjoni Ewropea. Hawnhekk għandek l-opportunità li toħroġ bħala kandidat/a inti stess u tikkontesta elezzjoni.

  • L-elezzjoni tal-parlament nazzjonali hija kritika għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE peress li tinfluwenza l-kompożizzjoni tal-gvern nazzjonali (u f’ħafna każijiet il-kap tal-istat ukoll). Il-gvern nazzjonali stess huwa parti mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tnejn mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE. Il-parlament nazzjonali jagħti wkoll il-fehma tiegħu fir-rigward tal-proċess leġiżlattiv tal-UE.
  • L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew (PE) hija l-aktar mezz dirett ta’ influwenza pubblika fil-livell tal-UE. Matul is-snin, is-setgħat tal-Assemblea ta’ 705 membru żdiedu ħafna – u issa huma f’ħafna modi ugwali għal dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (magħmul mill-gvernijiet tal-Istati Membri).

Aqra aktar dwar is-setgħat tal-Parlament Ewropew.

L-elezzjonijiet u l-konsegwenzi indiretti tagħhom

L-elezzjonijiet diretti fil-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew għandhom ukoll konsegwenzi indiretti: pereżempju, il-gvernijiet nazzjonali u l-Parlament Ewropew huma strumentali għat-tiswir tal-Kummissjoni Ewropea. Din hija l-korp eżekuttiv tal-UE, li huwa responsabbli biex jipproponi l-leġiżlazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet u jamministra l-affarijiet ta’ kuljum. Anke l-kompożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, inklużi l-Qrati Ewropej, l-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li huma korpi konsultattivi, tissawwar mid-deċiżjonijiet li jsiru mill-Ewropej fl-elezzjonijiet.

Influwenza ta’ kuljum

L-Unjoni Ewropea hija aktar minn sempliċement sistema ta’ governanza rappreżentattiva; hija demokrazija rappreżentattiva moderna bbażata fuq il-parteċipazzjoni ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE. Dan il-prinċipju huwa stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u għandu konsegwenzi għall-funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fil-qosor, iċ-ċittadini tal-UE mhumiex biss fuq ix-xena l-kbira tal-politika Ewropea dakinhar tal-elezzjoni – jistgħu jsemmgħu leħinhom kuljum! Għal din ir-raġuni, l-UE stabbilixxiet ġabra komprensiva ta’ strumenti parteċipattivi, li tgħaqqad flimkien liċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet, il-proċessi marbutin mat-tfassil tal-politika u d-deċiżjonijiet.

Azzjoni għal kawża

Għalkemm għandna d-dritt li nipparteċipaw fl-affarijiet tal-UE fuq bażi ta’ kuljum, ħafna minna m’għandniex il-ħin, l-għarfien u r-riżorsi biex nagħmlu dan. Għalhekk huwa importanti ħafna li tagħżel b’attenzjoni l-aħjar żmien, l-aqwa msieħba u l-aħjar strument biex issemma’ leħnek b’mod effiċjenti u sostenibbli. Sabiex tagħmel dan, jista’ jkollok bżonn tagħżel bejn rwol aktar permanenti (pereżempju, bħala uffiċjal elett, impjegat jew rappreżentant tas-soċjetà ċivili) jew kontribut ta’ darba għal kwistjoni partikolari – li f’99 każ minn 100 jista’ jkun l-uniku mod biex tirrikonċilja r-rwol tiegħek bħala ċittadin/a attiv/a tal-UE mar-rwoli l-oħra tiegħek kollha fil-ħajja pubblika, privata u professjonali.

qis qabel ma taġixxi

Għandek idea tajba dwar kif tista’ tibdel l-Ewropa, jew forsi sempliċement problema żgħira biex toħloq negozju n-naħa l-oħra tal-fruntiera. Jaf trid tniedi kampanja ewlenija kontra liġi eżistenti tal-UE – jew saħansitra trid tilmenta dwar uffiċjal tal-UE. Hemm mitt raġuni għala għandek issir ċittadin attiv tal-UE, iżda hemm ċerti mistoqsijiet ewlenin li għandek taħseb dwarhom qabel ma tibda. Li tevalwahom u tagħżel it-tweġibiet bir-reqqa jistgħu jieħdu ħin prezzjuż. Madankollu, peress li se tinvolvi ruħek biex tibdel l-Unjoni Ewropea – komunità politika transnazzjonali ta’ 450 miljun persuna – il-kwalità tal-passi preparatorji tiegħek se tkun kruċjali biex ikollok suċċess. Mela, kun diliġenti... u kun attiv/a!

  • Il-kwistjoni tiegħek: kwistjoni ewropea?

    L-Unjoni Ewropea tittratta ħafna kwistjonijiet. Wisq fil-fehma ta’ xi wħud, u ftit wisq fil-fehma ta’ oħrajn. Iżda, indipendentement minn din id-diskussjoni importanti, l-UE għandha lista ċara ta’ kwistjonijiet ta’ politika (abbażi tat-Trattati tagħha u miftiehma mill-Istati Membri kollha) li hija tindirizza, bħala kompetenzi esklużivi, kondiviżi jew ta’ appoġġ. Għalhekk, jekk trid tindirizza kwistjoni ta’ kwalunkwe tip, l-ewwel għandek tiċċekkja n-natura potenzjalment Ewropea tal-idea/il-preokkupazzjoni tiegħek. Tista’ tkun kwistjoni li minflok tista’ tiġi ttrattata b’mod aktar effiċjenti fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali. 

  • Il-mument tiegħek: il-mument opportun biex issir attiv/a?

    Li taġixxi fiż-żmien opportun huwa kruċjali biex jirnexxilek issemma’ leħnek b’suċċess. Tista’ taġixxi kmieni wisq u ma jagħti kasek ħadd, jew tista’ taġixxi tard wisq u d-deċiżjonijiet ikunu laħqu ttieħdu. Iżda bejn dawn iż-żewġ estremitajiet hemm tieqa kbira ta’ opportunità biex issir attiv. Pereżempju, jekk trid tniedi idea pjuttost ġdida, dan jirrikjedi ħafna paċenzja u riżorsi biex tingħata attenzjoni u rispons, iżda tkun relattivament fil-libertà li tagħżel l-aħjar żmien biex tieħu azzjoni. Madankollu, jekk trid tinfluwenza diskussjonijiet pubbliċi li jkunu għaddejjin fil-livell tal-UE dwar kwistjoni partikolari, jeħtieġ li tiċċekkja f’liema stadju jkun wasal id-dibattitu fil-proċess (leġiżlattiv). Il-EUR-Lex huwa sit web pubbliku utli ħafna għal dan il-għan. Il-portal tal-Kummissjoni Ewropea Semma’ Leħnek huwa mfassal ukoll biex jiġbor il-fehmiet f’kull stadju tal-proċedura leġiżlattiva. L-għażla tal-mument tiegħek għandha wkoll implikazzjonijiet għat-tip ta’ msieħba u liema strument parteċipattiv tagħżel.

  • It-tim tiegħek: azzjoni kollettiva?

    Biex wieħed jindirizza kwistjoni Ewropea fil-livell Ewropew fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ikun jirrikjedi sħubija soda ma’ ċittadini u/jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra. Dan huwa għas-sempliċi raġuni li l-ewwel għandek bżonn tikkonvinċi lil ħafna oħrajn (kemm ċittadini oħra tal-UE, kif ukoll persuni fil-korpi eletti u fl-istituzzjonijiet tal-UE) qabel ma tkun tista’ tagħmel impatt. Madankollu, xi kultant anke azzjoni individwali b’saħħitha u ddedikata tista’ tagħmel differenza: dan huwa partikolarment il-każ meta tisfa vittma ta’ amministrazzjoni ħażina, jekk tara li d-drittijiet tiegħek ikunu nkisru jew jekk sempliċement tkun innutajt kwistjoni ta’ tħassib għall-pubbliku ġenerali. Min-naħa l-oħra, tista’ tkun idea tajba ħafna li tipprova tilħaq kemm jista’ jkun nies u bl-iżjed mod transnazzjonali possibbli minħabba li l-kwistjoni/proposta/idea tiegħek tintlaqa' b'interess u rispett akbar mill-istituzzjonijiet tal-UE jekk ikun hemm tim tassew Ewropew ta’ ċittadini attivi li jappoġġjaha. Fil-każ tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, pereżempju, saħansitra hemm rekwiżit li t-tim tiegħek irid ikun magħmul minn mill-inqas seba’ ċittadini tal-UE minn mill-inqas seba’ Stati Membri tal-UE differenti.

  • L-għodda tiegħek: x’tip ta’ parteċipazzjoni?

    L-għażla tal-aħjar strument parteċipattiv disponibbli għall-kwistjoni tiegħek hija fundamentali biex tagħmel suċċess. Il-biċċa l-kbira tal-għodod huma maħsuba biex jintużaw minn għadd ta’ ċittadini flimkien (jew anke l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili), iżda jistgħu jintużaw ukoll minn ċittadini individwali, bħalma huma t-tressiq ta’ lmenti quddiem l-Ombudsman, l-indirizzar ta’ kwistjoni transfruntiera permezz tan-network online għas-soluzzjoni tal-problemi, SOLVIT, jew it-tressiq ta’ petizzjonijiet quddiem il-Parlament tal-UE.

    Madankollu, strumenti parteċipattivi oħra jirrikjedu azzjoni kollettiva mill-bidu nett, bħalma hi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Il-fatt li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-proġetti parteċipattivi fil-livell tal-UE jistgħu jiġu amministrati online jagħmilhom ħafna aktar faċli – għalkemm, minkejja li tista’ ssemma’ leħnek mingħajr ma tixtri bolol, f’xi punt jaf ikollok bżonn tivvjaġġa, forsi sa Brussell biex tiltaqa’ ma’ rappreżentant istituzzjonali jew lejn villaġġ in-naħa l-oħra tal-fruntiera fejn għandek imsieħba li jappoġġjawk.

  • Il-kwistjoni tiegħek
  • Il-mument tiegħek
  • It-tim tiegħek
  • l-għodda tiegħek

Kwistjonijiet u kompetenzi Ewropej

  • Dak li jiġri fl-UE huwa kruċjali għal kull ċittadin Ewropew – u fil-livelli kollha. U sabiex issemma’ leħnek huwa kruċjali li tifhem liema kwistjonijiet Ewropej jiġu deċiżi minn min.

    Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Titolu 1) hemm tliet tipi differenti ta’ kompetenzi tal-UE: esklużivi (l-UE tiddeċiedi waħedha), kondiviżi (l-UE tiddeċiedi flimkien mal-Istati Membri) u ta’ appoġġ (l-UE tgħin lill-Istati Membri).

    Fuq il-bażi ta’ dawn is-setgħat, il-politiki jissawru minn atti ta’ implimentazzjoni, regolamenti, direttivi, leġiżlazzjoni jew sempliċement deċiżjonijiet istituzzjonali mingħajr kwalunkwe impatt formali fuq il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, hemm deċiżjonijiet magħmula mill-Parlament, mill-Qrati, mill-korpi konsultattivi, bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, b’diversi tipi ta’ xpruni, impatti u konsegwenzi – anke għal livelli oħra ta’ governanza. 

    Agħmel dan il-kwiżż Qabel ma tkompli taqra
    Aqra iktar
  • Kwistjonijiet/kompetenzi esklużivi tal-ue

    • l-unjoni doganali
    • l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern
    • il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd
    • il-politika kummerċjali komuni
    • konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali taħt ċerti kundizzjonijiet
    • il-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro
  • Kwistjonijiet/kompetenzi kondiviżi tal-ue

    • is-suq intern
    • ċerti aspetti tal-politika soċjali
    • il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
    • l-agrikoltura u s-sajd, eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar
    • l-ambjent
    • il-protezzjoni tal-konsumatur
    • it-trasport
    • in-networks trans-Ewropej
    • l-enerġija
    • l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja
    • it-tħassib komuni dwar is-sikurezza fi kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika
    • ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju
    • il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja
  • Kwistjonijiet/kompetenzi tal-ue b’rabta mal-appoġġ u l-koordinazzjoni

    • il-politiki ekonomiċi
    • il-politiki tal-impjiegi
    • il-politiki soċjali
    • il-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem
    • l-industrija
    • il-kultura
    • it-turiżmu
    • l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport
    • il-protezzjoni ċivili
    • il-kooperazzjoni amministrattiva
  • Esklużivi
  • Kondiviżi
  • Appoġġ u koordinazzjoni

Fuq il-bażi ta’ din il-ħarsa ġenerali, tista’ tfassal l-azzjoni tiegħek skont il-kompetenza rilevanti (esklużiva, kondiviża jew ta’ appoġġ) u tqis azzjoni komplementari fil-livell nazzjonali (jew livell ieħor) fil-każ ta’ kompetenzi kondiviżi/ta’ appoġġ tal-UE. L-istituzzjoni tal-UE li quddiemha tixtieq tressaq l-idea tiegħek jaf issibha konsiderevolment diffiċli biex tikkunsidra proposti għal azzjoni li mhumiex fil-kompetenza tal-UE bħala ammissibbli.

Aktar dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea

 Itla’ ’l fuq
 Niżżel il-passaport f’format ta’ fuljett
Passaport għad-DemokrazijaEwropea
Logo EESC
Aqsam
link għal facebook link għal x/twitter link għal linkedin link għal youtube link għal instagram
Ikkuntattjana
 
Dritt tal-awtur © Unjoni Ewropea 2024 | L-aħħar aġġornament: 01/03/2024
Ħajr | Avviż legali

Min hu responsabbli għal xiex fl-UE?

L-ewwel mistoqsija: Min jistabbilixxi l-kwoti tas-sajd biex jiġu protetti l-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra Ewropej?
Hekk hu, taf min hu responsabbli hawnhekk!
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina

It-tieni mistoqsija: Min japprova l-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet fl-UE?
Hekk hu, taf min hu responsabbli hawnhekk!
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina

It-tielet mistoqsija: Min jieħu d-deċiżjonijiet dwar is-sistemi edukattivi fl-Istati Membri tal-UE?
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina
Hekk hu, taf min hu responsabbli hawnhekk!

Ir-raba’ mistoqsija: Min jista’ jwettaq attivitajiet ta’ għajnuna umanitarja barra mill-Ewropa?
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina
Hekk hu, taf min hu responsabbli hawnhekk!
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina

Il-ħames mistoqsija: Min għandu r-responsabbiltà li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-istandards ta’ kwalità għall-industrija tat-turiżmu fl-UE?
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina
Hekk hu, taf min hu responsabbli hawnhekk!
M’hemmx x’tagħmel, tweġiba ħażina

Prosit, taf min hu responsabbli għal xiex fl-UE!

Issa tista’ tara l-lista sħiħa tal-oqsma ta’ politika u min huwa responsabbli għal kull qasam.

Tiqafx hawn, jeħtieġ li tkompli ttejjeb l-għarfien tiegħek dwar l-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara l-lista sħiħa tal-oqsma ta’ politika u min huwa responsabbli għal kull qasam.

Itla’ fuq nett