Logo EESC EPTAC

Passaport għad-Demokrazija Ewropea

  • Gwida Ta’ Malajr Għal Ċittadinanza Attiva Ewropea
  • Leħni Fl-Ewropa
  • Sett Ta’ Għodod Għall-Parteċipazzjoni
  • Gwida Għall-Inizjattiva Taċ-Ċittadini Ewropej
  • L-Appoġġ Jinsab Kull Fejn Tħares Madwarek
Dak kollu li għandek tkun taf Fatti ewlenin tal-IĊE Ħafna modi kif tinvolvi ruħek Stabbilixxi b’mod korrett l-għanijiet tiegħek Stabbilixxi l-aġenda tal-UE f’10 passi IĊE li għamlu suċċess

Dak kollu li għandek tkun taf

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej issejħet “l-akbar innovazzjoni fid-demokrazija transnazzjonali” minn mindu bdew isiru l-elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew aktar minn erbgħin sena ilu. Aħna, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, issa għandna l-istess dritt bħala maġġoranza fil-Parlament Ewropew u fl-Istati Membri li nistabbilixxu l-aġenda politika għall-kontinent kollu. Strument użat b’mod diliġenti: sa mit-tnedija tiegħu fl-2012, ġew ippreżentati aktar minn 100 inizjattiva.

Għalkemm id-dritt formali li tinbeda leġiżlazzjoni pan-Ewropea jibqa’ l-prerogattiva tal-Kummissjoni Ewropea waħedha, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tikkostitwixxi strument għall-istabbiliment tal-aġenda. Barra minn hekk, twitti wkoll it-triq għall-futur tal-politiki parteċipattivi: hija aktar diretta, aktar transnazzjonali u aktar diġitali minn kull ħaġa li ġiet qabel fl-UE, u ispirat lil ħafna Stati Membri biex jintroduċu strumenti simili għall-istabbiliment tal-aġenda f’livell nazzjonali.

Din hija r-raġuni għaliex l-IĊE mhijiex biss dritt ieħor għal petizzjoni, iżda hija aktar dritt ta’ attivazzjoni ta’ kuljum taċ-ċittadini dwar il-kwistjonijiet li jmiss li għandhom jitqiegħdu fuq l-aġenda tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Fatti ewlenin tal-iċe

Min, xiex u għaliex – preżentazzjoni tal-IĊE

ECI key facts
  • Sabiex tiġi kkunsidrata politikament mill-Kummissjoni Ewropea, kull IĊE trid tkun appoġġjata minn tal-anqas miljun ċittadin tal-UE minn tal-inqas 7 Stati Membri fi żmien sena minn mindu jibdew jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. Jinħtieġ għadd minimu ta’ firmatarji f’kull wieħed minn dawn is-seba’ Stati Membri.

  • Inizjattiva tista’ ssir fi kwalunkwe qasam li fih il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tipproponi leġiżlazzjoni, pereżempju l-ambjent, l-agrikoltura, it-trasport, is-saħħa pubblika u l-kummerċ internazzjonali.

    Għal informazzjoni ddettaljata, jekk jogħġbok ikkonsulta t-taqsima Kwistjonijiet u kompetenzi Ewropej u l-paġna:

    • https://commission.europa.eu/about-european-commission/what-european-commission-does/law/areas-eu-action_mt
  • Sabiex titnieda inizjattiva taċ-ċittadini, iċ-ċittadini jridu jiffurmaw “grupp ta’ organizzaturi” magħmul minn mill-inqas seba’ ċittadini tal-UE residenti f’mill-inqas seba’ Stati Membri differenti.

  • Inizjattiva tista’ tiġi appoġġjata miċ-ċittadini kollha tal-UE li għandhom l-età meħtieġa biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jew li għandhom mill-anqas 16-il sena fil-każ ta' ċerti pajjiżi (jiġifieri 16-il sena fl-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, Malta u l-Estonja, 17-il sena fil-Greċja u 18-il sena fil-pajjiżi l-oħra kollha). Biex jappoġġjaw inizjattiva, iċ-ċittadini jridu jimlew formola ta’ dikjarazzjoni ta’ appoġġ speċifika pprovduta mill-organizzaturi, f’forma stampata jew online.

  • Fi żmien xahar minn meta tirċievi inizjattiva ta’ suċċess, il-Kummissjoni tiltaqa’ mal-organizzaturi, u l-organizzaturi jistgħu mbagħad jippreżentaw l-inizjattiva tagħhom f’seduta pubblika fil-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tadotta tweġiba formali fi żmien 6 xhur. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq proposta leġiżlattiva, tinbeda l-proċedura leġiżattiva normali.

  • Mill-2012 ’l hawn, intbagħtu aktar minn 100 inizjattiva lill-Kummissjoni Ewropea, li rrifjutat li tirreġistra 26 minnhom peress li – fil-fehma tagħha – ma ssodisfawx ir-rekwiżiti formali kollha. F’diversi każijiet – l-inizjattiva Stop TTIP u l-inizjattiva Minority SafePack, pereżempju – il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea wara obbligat lill-Kummissjoni tirrevedi d-deċiżjonijiet tagħha.

    Għal aktar informazzjoni dwar l-IĊE u l-proċedura dettaljata, ara t-taqsima Stabbilixxi l-aġenda tal-UE f’10 passi.

Talbiet kull sena għal IĊE Imressqa Irreġistrati Miċħuda
Total

Aktar informazzjoni fil-paġna ta’ reġistrazzjoni tal-IĊE.

Aktar tagħrif! Il-bażi legali għall-IĊE hija stabbilita fid-dokumenti li ġejjin:
Bażi:
Titolu II (Artikolu 11(4)) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), id-Dispożizzjonijiet dwar il-Prinċipji Demokratiċi; Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C83/389, 30.3.2010)
Regolament:
Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (UE) 2019/788 bl-Annessi (Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L130/55, 17.5.2019)
Implimentazzjoni:
Parlament Ewropew:

Artikoli 222 u 230 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament

Qafas regolatorju komplut tal-IĊE:

https://europa.eu/citizens-initiative/how-it-works/regulatory-framework_mt

Verifika u ċertifikazzjoni ta’ IĊE mill-Istati Membri:

europa.eu/citizens-initiative/authorities-verification-and-certification-statements-support_mt

Ħafna Modi Kif Tinvolvi Ruħek

Tgħallem kif tinvolvi ruħek bħala organizzatur, sostenitur jew osservatur

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej xi kultant titqabbel ma’ Swiss army knife: għodda ddisinjata b’mod intelliġenti, adattabbli u multifunzjonali. Peress li l-IĊE hija disponibbli għal kważi 450 miljun ċittadin tal-UE f’27 Stat Membru (u fid-dinja, jekk tkun tgħix barra l-UE bħala ċittadin/a tal-UE), hija indirizzat il-mod kif id-demokrazija tiġi mifhuma u taħdem fil-livell transnazzjonali.

Abbażi tal-esperjenzi tal-kważi 100 inizjattiva mressqin mill-2012 sal-2019, fl-2020 daħlet fis-seħħ verżjoni aġġornata u aktar aċċessibbli tal-IĊE. Kwart tal-inizjattivi nċaħdu minħabba l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni stretti tar-regolament mill-Kummissjoni. Madanakollu, skont ir-regoli l-ġodda, l-organizzaturi u l-Kummissjoni jingħataw aktar żmien biex isibu soluzzjoni, inkluża l-possibbiltà li jirreġistraw biss il-partijiet ammissibbli ta’ inizjattiva. Jingħata wkoll aktar żmien biex issir tħejjija għall-bidu tal-ġbir tal-firem, kif ukoll tal-passi l-oħrajn kollha fil-proċess.

Barra minn hekk, il-pandemija tal-COVID-19 sfidat il-modi ta’ interazzjoni, id-diskussjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħna lkoll. Sabiex jiġi ssalvagwardjat il-potenzjal demokratiku tal-IĊE, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ regoli relatati mal-coronavirus li jippermettu li jiġu estiżi l-iskadenzi għall-ġbir u l-verifika tal-firem u li jiġu analizzati inizjattivi ta’ suċċess (ara r-Regolament (UE) 2020/1042, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-17.12.2020 (UE) 2020/2200 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-19.2.2021 (UE) 2021/360).

Fi proċess ta’ IĊE, hemm tliet tipi differenti ta’ rwoli: organizzatur, sostenitur u osservatur.

  • Bħala organizzatur

    Bħala organizzatur, inti tkun fil-qalba tal-proċess, peress li tkun responsabbli għall-passi ewlenin kollha stipulati fir-Regolament dwar l-IĊE. Tkun ukoll ir-rappreżentant responsabbli fil-konfront tal-istituzzjonijiet, is-sostenituri u l-Ewropa kollha. Għal din ir-raġuni, trid tqis kollox bir-reqqa, u teħtieġ paċenzja, dedikazzjoni u komunikazzjoni intensiva u ħidma fir-rigward tar-relazzjonijiet pubbliċi.

  • bħala sostenitur

    Bħala sostenitur ta’ IĊE, inti tintalab tappoġġja kawża Ewropea partikolari bħala waħda minn mill-inqas miljun persuna f’mill-inqas seba’ Stati Membri differenti. Ir-rwol ewlieni tiegħek ikun li ssir firmatarja/u ta’ IĊE, li jfisser li timla dikjarazzjoni ta’ appoġġ, b’mod stampat jew b’mod elettroniku. Kun ċert/a li qed tiffirma inizjattiva rreġistrata formalment. Iċċekkja r-Reġistru Uffiċjali għall-inizjattivi kollha miftuħa.

  • bħala osservatur

    Fl-aħħar nett, bħala osservatur jista’ jkollok kurżità biex tara l-IĊE dwar xiex inhi, tkun trid tifhimha f’aktar dettall u possibbilment tkun kapaċi toffri għarfien interessanti u kummenti lill-organizzaturi, lill-media, lir-riċerkaturi u lill-UE.

  • Bħala organizzatur
  • bħala sostenitur
  • bħala osservatur

Stabbilixxi b’mod korrett l-għanijiet tiegħek

Skopri għal xiex tista’ tuża l-IĊE

Bħala grupp ta’ organizzaturi, sostenituri jew osservaturi, hemm diversi aspetti li jridu jiġu kkunsidrati qabel ma titnieda IĊE, tiġi ffirmata jew jitressqu kummenti dwarha. Il-mistoqsija ewlenija hija: xi trid tikseb IĊE partikolari? X’inhu l-għan aħħari?

Trid tipproponi xi ħaġa ġdida fl-Ewropa? Jew l-idea hija li titneħħa u tiġi abolita politika partikolari tal-UE? Madankollu, ħafna affarijiet mhumiex sempliċement bojod jew suwed, tajbin jew ħżiena: jaf imnejn ikun hemm bżonn biss li jiġu aġġustati. Għalhekk, jista’ jkun li tkun interessat/a l-aktar li tibdel xi partijiet ta’ liġi fl-UE wkoll.

Hemm ħafna modi kif tista’ tittieħed azzjoni b’IĊE, li tista’ tintuża:

  • bħala aċċelleratur sabiex l-UE titħeġġeġ tagħmel xi ħaġa ġdida. Hawnhekk hemm bżonn ħafna paċenzja peress li biex dan it-tip ta’ IĊE jasal fi tmiemu jeħtieġ ħafna żmien; l-ewwel ikollok bżonn issib bażi legali adatta u vijabbli; u trid tikkunsidra d-dibattitu pubbliku dwar il-proposta tiegħek bħala l-premju ewlieni tal-isforzi tiegħek.
  • bħala deterrent biex twaqqaf lill-UE milli tagħmel xi ħaġa. F’dan il-każ, iż-żmien huwa kritiku, peress li trid issib il-mument opportun biex tressaq il-preokkupazzjonijiet tiegħek b’tali mod li tikseb l-aqwa impatt u appoġġ, li jfisser li għandek tiġbor il-firem malajr.
  • bħala regolatur bil-għan li ttejjeb il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE. Peress li tixtieq issolvi problema partikolari billi tibdel leġiżlazzjoni speċifika, għandek bżonn iżomm l-affarijiet sempliċi. L-IĊE tat-tip “regolatur” ħafna drabi jkunu kumplessi wisq u diffiċli biex jiġu kkomunikati, għalhekk agħmel l-almu tiegħek biex iżżomm mal-ġist ewlieni.
  • bħala pedina għan-negozjar billi tuża l-proċess tal-IĊE bħala element addizzjonali sabiex tipprova tinfluwenza t-tfassil tal-politika Ewropea. Madankollu, qabel ma tibda IĊE bħal din, evalwa l-influwenza u l-poter politiku tiegħek b’mod indipendenti mill-inizjattiva u vverifika l-benefiċċji addizzjonali possibbli. Ara li l-intenzjonijiet tiegħek ikunu ċari fil-konfront ta’ dawk li jappoġġjawk u kun konxju tal-għażla ta’ rtirar ta’ IĊE u l-użu f’waqtu tagħha.
  • bħala xprun biex tibni alleanzi u networks wesgħin fl-Ewropa. Din hija l-aktar għażla adatta meta tqis l-inizjattiva tiegħek bħala element ta’ strateġija fit-tul biex tlaqqa’ flimkien lill-Ewropej u/jew biex tħejji kampanja elettorali Ewropea.
  • bħala kanvasser biex inti u/jew il-grupp tiegħek tkunu magħrufin aħjar fl-isfera pubblika. F’dan il-każ, l-ewwel għandek tidentifika kwistjoni sostantiva adatta u li tista’ tiġi kkomunikata faċilment għall-IĊE tiegħek. Għandek ukoll tkun trasparenti kemm jista’ jkun dwar l-għanijiet tiegħek biex tiżgura li ma tqarraq bl-ebda persuna li tista’ tappoġġjak.

L-IĊE toffri ħafna opportunitajiet, iżda fl-aħħar mill-aħħar kollox jiddependi mill-fehim u l-kapaċitajiet tiegħek stess inti u tevalwa l-għażliet u l-limitazzjonijiet ta’ IĊE. Billi ssir taf dwar il-kapaċitajiet multifunzjonali ta’ dan il-proċess parteċipattiv u transnazzjonali, tista’ tiżviluppa aspettattivi realistiċi u b’hekk approċċ realistiku għall-istrateġija u l-għażliet tiegħek.

Jekk m’intix ċert/a jekk l-IĊE hijiex l-aħjar għodda biex tikseb l-objettivi tiegħek, ikkunsidra diversi aspetti tal-każ tiegħek fit-taqsima Qis qabel ma taġixxi u aqra dwar għodod oħra disponibbli fil-livell Ewropew fit-taqsima Sett ta’ għodod għall-parteċipazzjoni.

Stabbilixxi l-aġenda tal-ue f’10 passi

L-ippjanar u l-proċedura tal-IĊE spjegati pass pass skont il-kronoloġija tal-azzjoni

Qed taħsibha tnedix l-IĊE tiegħek stess? Dan għandu jeħodlok mill-inqas tliet snin, x’aktarx anke aktar (u pjuttost għadd kbir ta’ riżorsi). Madankollu, jekk tkun intelliġenti u timxi bl-akbar reqqa, il-proċess joffrilek ideat ġodda u jgħallmek ħafna lezzjonijiet – u (idealment) jippermettilek tagħmel differenza għall-Ewropa. Dawn huma l-għaxar passi li għandek tistenna matul il-proċess tal-IĊE.

L-1 pass
Idea

Għandek idea, proġett jew tħassib li jistgħu jinbidlu f’politika Ewropea. L-ewwel nett ara jekk hemmx xi għodda oħra disponibbli, possibbilment aktar sempliċi u aktar aċċessibbli, biex issemma’ leħnek dwar din il-kwistjoni. Jekk tagħżel IĊE, aqra t-tieni pass. 

Li jmiss 
Preparazzjoni
It-2 pass
Għarfien

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija proċess li jinvolvi numru ta’ implikazzjonijiet legali u politiċi. Tgħallem kulma għandek tkun taf dwar l-għażliet u l-limitazzjonijiet tal-proċess fir-rigward tal-promozzjoni tal-inizjattiva futura tiegħek. Ikseb appoġġ f’dan l-istadju bikri billi tikkuntattja lill-Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ara t-taqsima Aktar appoġġ għad-dettalji). Imbagħad ipprova evalwa: l-isforz huwa ġustifikat? Jekk temmen li iva, aqra t-tielet pass.

 Erġa’ lura Li jmiss 
It-3 pass
Għanijiet

Punt ewlieni ieħor importanti qabel tieħu l-ewwel passi formali huwa li tistabbilixxi xi trid tikseb bl-inizjattiva tiegħek u x’tista’ realistikament tittama li tikseb.

Iddefinixxi l-għan, l-ambitu u l-funzjoni speċifika tal-inizjattiva tiegħek. Żommha kemm jista’ jkun sempliċi għal kulħadd. F’dan il-pass, jagħmel sens li tosserva aktar mill-qrib il-lezzjonijiet li tgħallmu organizzaturi ta’ IĊE preċedenti.

 Erġa’ lura Li jmiss 
Ir-4 pass
Disinn

Il-formulazzjoni u l-ispjegazzjoni tal-proposta inizjali tiegħek għandhom jinftiehmu b’ħafna lingwi differenti u f’ħafna aktar kulturi politiċi fl-Ewropa. Issa huwa wkoll iż-żmien li tiffamiljarizza ruħek mas-sistema uffiċjali ta’ ġbir tal-firem online, li l-UE tipprovdi b’xejn, u li tuża l-appoġġ kollu disponibbli.

 Erġa’ lura Li jmiss 
Il-5 pass
Reġistrazzjoni

Dan huwa l-ewwel ostaklu formali għal ħafna “gruppi ta’ organizzaturi”, peress li jeħtieġ li jiġu ssodisfati ċerti kriterji sabiex il-grupp jiġi rreġistrat. L-aktar ħaġa importanti hija li l-inizjattiva tiegħek tkun biċ-ċar fil-kompetenzi tal-Kummissjoni. Għal darb’oħra, il-Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jista’ jgħinek matul dan il-pass. Imbagħad ikun wasal il-mument li tissottometti l-IĊE tiegħek fis-sit web uffiċjali, u tipprovdi titolu u l-għanijiet tal-proposta tiegħek. Skont il-bżonn li tiġi emendata u aġġornata l-proposta tiegħek, il-Kummissjoni tirreġistra (jew tirrifjuta) l-IĊE tiegħek fi żmien xahrejn sa 4 xhur. Wara r-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni tittraduċi t-titolu u l-għan tal-proposta tiegħek bl-24 lingwa uffiċjali.

 Erġa’ lura Li jmiss 
Reġistrazzjoni
Is-6 pass
Ġbir ta’ firem

Issa jmiss l-isbaħ u, fl-istess ħin, l-itqal parti: trid tikkonvinċi lil aktar minn miljun persuna Ewropea f’mill-inqas seba’ pajjiżi differenti jiffirmaw l-inizjattiva tiegħek f’inqas minn sena. Dan il-kompitu jeħtieġ li jitħejja ferm minn qabel billi jinħoloq network pan-Ewropew ta’ msieħba ta’ appoġġ fl-Ewropa. Wara r-reġistrazzjoni uffiċjali, irid jibda l-ġbir proprju tal-firem fi żmien sitt xhur. Kulma trid tagħmel hu li tavża lill-Kummissjoni 10 ijiem ta’ xogħol qabel id-data tal-bidu li tagħżel, biex il-bidu u t-tmiem tal-fażi ta’ ġbir ta’ sena jkunu jistgħu jiġu ppubblikati. Kun af li se jkollok tuża formoli ta’ appoġġ separati skont in-nazzjonalitajiet tal-firmatarji. Dan ifisser li l-firmatarji kollha fuq kull formola jridu jkunu ċittadini tal-istess pajjiż tal-UE.

 Erġa’ lura Li jmiss 
Firem
Is-7 pass
Djalogu

Mingħajr komunikazzjoni, ħadd mhu ser jappoġġjak: id-djalogu mal-persuni kollha possibbli li jaħsbuha l-istess – u anke max-xettiċi – ser ikun kruċjali għas-suċċess dejjiemi tal-inizjattiva tiegħek. Għalhekk, ikkomplementa l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ firem tiegħek billi tagħmel kuntatt permezz tal-media (soċjali) u waqt avvenimenti pubbliċi. Għal dan il-pass, jagħmel ħafna sens li titgħallem minn IĊE preċedenti. In-nies li ħadmu fuqhom għandhom ammont kbir ta’ esperjenza u għarfien x’jaqsmu ma’ ħaddieħor.

 Erġa’ lura Li jmiss 
It-8 pass
Livelli limitu

Qabel ma tkun tista’ finalment tressaq l-inizjattiva tiegħek biċ-ċertifikazzjonijiet kollha meħtieġa quddiem il-Kummissjoni Ewropea, jeħtieġ li tiġi indirizzata firxa sħiħa ta’ rekwiżiti u ostakli. L-ewwel nett, trid tressaq id-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġbura quddiem id-diversi awtoritajiet nazzjonali fi żmien 3 xhur mit-tmiem tal-fażi tal-ġbir tal-firem. Dawn l-awtoritajiet għandhom mhux iżjed minn 3 xhur biex jivverifikaw u jiċċertifikaw il-firem. Wara li jsir dan, intom bħala l-“grupp ta’ organizzaturi” jkollkom 3 xhur oħra biex tippreparaw ħalli fl-aħħar tibagħtu ċ-ċertifikati lill-Kummissjoni. Dawn l-operazzjonijiet impenjattivi jitolbu li jkun hemm tim tal-amministrazzjoni sod u mħejji tajjeb għall-inizjattiva tiegħek. L-iżbalji banali jiġġeneraw spejjeż addizzjonali għolja, dewmien u frustrazzjoni.

 Erġa’ lura Li jmiss 
Preżentazzjoni
Id-9 pass
Kommunikazzjoni

It-tressiq tal-IĊE tiegħek huwa biss il-bidu ta’ kapitolu importanti ieħor: il-komunikazzjoni dwar suġġett uffiċjali tal-UE, li twasslek sax-xena politika ċentrali. Wara li tiġi rikonoxxuta bħala inizjattiva ta’ suċċess, ikollok opportunitajiet ġodda: f’taħditiet formali mal-Kummissjoni u f’seduta pubblika fil-Parlament Ewropew.

Fi żmien xahar mit-tressiq tal-IĊE ta’ suċċess tiegħek, tirċievi stedina għal laqgħa uffiċjali mal-Kummissjoni biex tiddiskuti l-proposta tiegħek u, fix-xhur ta’ wara, tirċievi stedina oħra biex titkellem f’seduta pubblika fil-Parlament Ewropew. Istituzzjonijiet oħra, bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-parlamenti nazzjonali kollha tal-Istati Membri kollha tal-UE, jiġu avżati wkoll. Din ser tkun l-akbar opportunità tiegħek biex tikkonvinċi saħansitra aktar nies – u idealment in-nies li l-iżjed li għandek bżonn tikkonvinċi!

 Erġa’ lura Li jmiss 
L-10 pass
Konklużjonijiet

Issa li wasalt fi tmiem eżerċizzju eżawrjenti iżda li nisperaw li kien arrikkit, huwa importanti li ma tinsiex tlesti x-xogħol amministrattiv, id-dokumentazzjoni u l-evalwazzjoni sabiex wieħed jitgħallem (u jikkondividi) il-konklużjonijiet misluta. Bħala parti mit-tieni ġenerazzjoni ta’ IĊE (li bdiet fl-2020), se tibqa’ mfakkar jew imfakkra fl-istorja.

 Erġa’ lura  Agħlaq
Konklużjonijiet
Iċċekkja jekk intix lest/a li tiffaċċja l-isfida li tmexxi kampanja tal-IĊE:  Checklist tal-IĊE

Iċe li għamlu suċċess

  • L-ILMA: DRITT TAL-BNIEDEM> 1,6 miljun firma

    Din l-inizjattiva, li tnediet mit-trade unions fl-Ewropa, kienet waħda mill-ewwel li qatt ġew reġistrati, fl-10 ta’ Mejju 2012. L-għan kien li l-Kummissjoni Ewropea tiġi mistiedna tipproponi leġiżlazzjoni li timplimenta d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità, kif rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, u l-provvista tagħhom bħala servizzi pubbliċi essenzjali għal kulħadd. L-għan ewlieni tal-kampanja kien li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tirrikjedi lill-gvernijiet nazzjonali jiżguraw u jipprovdu liċ-ċittadini kollha biżżejjed ilma tax-xorb nadif u sanità. Il-Kummissjoni għażlet li tieħu azzjoni f’oqsma differenti relatati mal-inizjattiva (żieda fit-trasparenza, stimulazzjoni tal-innovazzjoni, eċċ.) u għamlet proposta leġiżlattiva biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, inkluż obbligu li l-Istati Membri jiżguraw aċċess għall-ilma għall-iżjed gruppi vulnerabbli.

    • Sit web tal-inizjattiva: right2water.eu
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: https://citizens-initiative.europa.eu/initiatives/details/2012/000003_mt
    Right 2 water logo
  • MOVIMENT FAVUR IL-ĦAJJA: WIEĦED MINNA> 1,7 miljun firma

    L-inizjattiva “One of Us” (Wieħed Minna) kienet waħda mill-ewwel inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej li rnexxielha tiġbor aktar minn miljun firma. L-inizjattiva indirizzat id-dinjità, id-dritt għall-ħajja u l-integrità ta’ kull bniedem minn meta jiġi konċepit. L-għan ewlieni tagħha kien li ttemm il-finanzjament mill-UE ta’ attivitajiet li jinvolvu l-embrijuni umani, b’mod partikolari fir-riċerka, fis-saħħa pubblika u fl-għajnuna għall-iżvilupp. Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ma twettaqx ir-reviżjoni leġiżlattiva peress li qieset il-qafas leġiżlattiv eżistenti bħala adatt. L-organizzaturi apellaw kontra dan quddiem il-Qorti Ewropea – iżda tilfu.

    • Sit web tal-inizjattiva: oneofus.eu
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: https://citizens-initiative.europa.eu/initiatives/details/2012/000005_mt
    One of us Logo
  • NIPPROTEĠU L-ANNIMALI: LE GĦALL-VIVISEZZJONI > 1,17 miljun firma

    L-inizjattiva “Stop Vivisection” (Le għall-Vivisezzjoni) kellha l-għan li twaqqaf b’mod gradwali l-esperimenti fuq l-annimali. Il-kampanja kienet appoġġjata minn alleanza mifruxa mal-UE kollha ta’ aktar minn 250 grupp tal-ħarsien tal-annimali, organizzazzjonijiet xjentifiċi u kumpaniji li jbigħu prodotti “mingħajr moħqrija tal-annimali” – u rnexxielha tiġbor l-appoġġ ta’ aktar minn 1,17 miljun ċittadin tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea qablet mal-konvinzjoni tal-organizzaturi li l-ittestjar fuq l-annimali għandu jitwaqqaf b’mod gradwali, iżda m’aċċettatx li prinċipji xjentifiċi jinvalidaw il-“mudell tal-annimali”.

    • Sit web tal-inizjattiva: stopvivisection.eu
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: https://europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2012/000007_mt
    Stop Vivisection Logo
  • NIPPROJBIXXU L-PESTIĊIDI: PROJBIZZJONI TAL-GLIFOSAT> 1,07 miljun firma

    L-IĊE “Stop Glyphosate” (Projbizzjoni tal-Glifosat) tnediet f’Jannar 2017 u kellha tliet għanijiet: li tipprojbixxi l-glifosat, li tirriforma l-proċedura tal-approvazzjoni tal-pestiċidi u li tistabbilixxi miri obbligatorji għat-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi fl-UE kollha. L-għan ewlieni tagħha kien li jkollna futur mingħajr pestiċidi. L-organizzaturi laħqu l-limitu ta’ miljun persuna f’inqas minn 6 xhur! Minkejja li l-Kummissjoni għażlet li ma tipprojbixxix il-glifosat, hija impenjat ruħha favur proposta leġiżlattiva li żżid it-trasparenza fl-evalwazzjoni tal-pestiċidi sabiex jiżdiedu l-kwalità u l-indipendenza tal-istudji xjentifiċi li huma l-bażi tal-valutazzjonijiet imwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tirrevedi d-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli.

    • Sit web tal-inizjattiva: stopglifosate.org
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2017/000002_mt
    ECI stop glyphosate Logo
  • MINORITY SAFEPACK: INĦARSU D-DIVERSITÀ FL-EWROPA > 1,1 miljun firma

    Kif diġà jissuġġerixxi l-isem ta’ din l-inizjattiva, l-IĊE “Minority SafePack” ipproponiet pakkett sħiħ ta’ miżuri lill-Kummissjoni, li kien fih aspetti bħall-promozzjoni ta’ lingwi aktar rari, il-protezzjoni ta’ minoranzi nazzjonali u programmi ta’ riċerka dwar il-benefiċċji tad-diversità lingwistika u kulturali fl-Unjoni Ewropea. Tnediet inizjalment fl-2013, u r-reġistrazzjoni tagħha ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni, deċiżjoni li erba’ snin wara ġiet annullata mill-Qorti Ewropea. Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni u l-politiki diġà fis-seħħ ipprovdiet arsenal b’saħħtu biex jiġu appoġġjati l-għanijiet tal-inizjattiva u għalhekk ma pproponiet l-ebda att legali.

    • Sit web tal-inizjattiva: minority-safepack.eu
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: https://europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2017/000004_mt
    Minority Safepack logo
  • END THE CAGE AGE: NIMMIRAW GĦAL BENESSRI AKBAR TAL-ANNIMALI> 1,39 miljun firma

    Din l-inizjattiva talbet lill-Kummissjoni timponi leġiżlazzjoni ċara kontra l-gaġeġ fl-Unjoni Ewropea sabiex tingħata prijorità lil trattament aktar uman tal-bhejjem tar-razzett. B’mod partikolari, l-organizzaturi xtaqu jipprojbixxu l-użu tal-gaġeġ għat-tjur tat-trobbija kollha, u maqjel individwali għall-majjali u għall-għoġġiela eċċ., sabiex jiġi żgurat li l-annimali jkollhom il-libertà tal-moviment u jkunu jistgħu joqogħdu qrib xulxin fil-qatgħat u l-merħliet tagħhom. L-IĊE End the Cage Age tressqet quddiem il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2020. Il-Kummissjoni wieġbet fit-30 ta’ Ġunju 2021, u impenjat ruħha li tressaq proposta leġiżlattiva sa tmiem l-2023 biex telimina gradwalment u finalment tipprojbixxi l-użu tal-gaġeġ għall-ispeċijiet u l-kategoriji kollha ta’ annimali msemmija fl-inizjattiva.

    • Sit web tal-inizjattiva: endthecageage.eu
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2018/000004_mt
    End the cage age logo
  • INWAQQFU L-ESTREMIŻMU: NAPPOĠĠJAW ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM FL-UE> 1,06 miljun firma

    Din l-inizjattiva, irreġistrata fis-sajf tal-2017, tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi Direttiva ġdida Kontra l-Estremiżmu, li jkun fiha definizzjoni newtrali ta’ estremiżmu, irrispettivament mill-motivazzjoni tiegħu, u li tkopri l-“atti mmirati lejn il-qerda tad-drittijiet fundamentali” kollha, kif ukoll tinkludi projbizzjonijiet kontra l-estremisti fl-iskejjel u f’istituzzjonijiet pubbliċi oħra. Direttiva Ewropea f’dan il-qasam għandha tippermetti wkoll li jsiru talbiet għal kumpens, ispirati mil-liġi eżistenti kontra d-diskriminazzjoni, biex jiġu mħarsa b’mod effettiv in-nisa, it-tfal u l-persuni fuq xogħol. Wara sena ta’ ġbir ta’ firem, l-organizzaturi ħabbru li kienu ġabru aktar minn miljun dikjarazzjoni ta’ appoġġ. Din l-IĊE tinsab fil-fażi ta' verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ tagħha.

    • Sit web tal-inizjattiva: stop-extremism.eu
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2017/000007_mt
    Stop Extremism Logo
  • POLITIKA TA’ KOEŻJONI GĦALL-UGWALJANZA BEJN IR-REĠJUNI U S-SOSTENIBBILTÀ TAL-KULTURI REĠJONALI

    L-organizzaturi ta’ din l-inizjattiva jitolbu li tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni b’karatteristiċi nazzjonali, etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi li huma differenti minn dawk tar-reġjuni tal-madwar fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni.

    Ir-reġistrazzjoni ta’ din l-inizjattiva inizjalment ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni fl-2013, deċiżjoni li ġiet annullata mill-Qorti Ewropea sitt snin wara. L-organizzaturi rrappurtaw l-appoġġ ta’ 1 414 175 ċittadin fi tmiem il-perjodu ta’ ġbir f’Mejju 2021 (l-iskadenza ġiet posposta minħabba l-pandemija tal-COVID-19). Il-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għadha pendenti.

    •  Sit web tal-inizjattiva: www.nationalregions.eu
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: https://europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2019/000007_mt
    Cohesion logo
  • INSALVAW LIN-NAĦAL U LILL-BDIEWA! LEJN AGRIKOLTURA FAVUR IN-NAĦAL GĦAL AMBJENT B’SAĦĦTU> 1,05 miljun firma

    Din l-inizjattiva, li ġiet irreġistrata f’Settembru 2019, taħdem favur is-sostenibbiltà ambjentali u soċjoekonomika tal-agrikoltura Ewropea permezz ta’ tliet għanijiet: l-eliminazzjoni gradwali tal-pestiċidi sintetiċi sal-2035, ir-restawr tal-bijodiversità fl-agrikoltura u l-appoġġ lill-bdiewa fit-tranżizzjoni lejn biedja sostenibbli. Fit-tweġiba tagħha ta’ April 2023, il-Kummissjoni laqgħet u rrikonoxxiet l-importanza ta’ din l-inizjattiva ffirmata minn 1 054 973 ċittadin. Wara li evalwatha, hija qieset madankollu li l-proposti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li diġà saru jipprovdu rispons komprensiv għall-objettivi tal-inizjattiva. Il-prijorità kienet għalhekk li jiġi żgurat li dawn il-proposti jiġu adottati mill-koleġiżlaturi (il-Parlament u l-Kunsill) u implimentati minnufih.

    • Sit web tal-inizjattiva: https://www.savebeesandfarmers.eu
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: https://citizens-initiative.europa.eu/initiatives/details/2019/000016_mt
    save bees and farmers logo
  • STOP FINNING – STOP THE TRADE (WAQQAF IT-TNEĦĦIJA TAL-PINEN TAL-KLIEB IL-BAĦAR – WAQQAF IL-KUMMERĊ)> 1,1 miljun firma

    Din l-inizjattiva tirrifletti t-tħassib pubbliku dwar is-sostenibbiltà tas-sajd u l-kummerċ tal-klieb il-baħar madwar id-dinja, u fl-istess ħin tistieden lill-Kummissjoni tieħu żewġ azzjonijiet: twaqqaf il-kummerċ fl-UE tal-pinen tal-klieb il-baħar separati u testendi r-Regolament li jipprojbixxi t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar (l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-pinen tal-klieb il-baħar separati). Wara l-appoġġ ta’ 1 119 966 firma, il-Kummissjoni laqgħet l-inizjattiva f’Lulju 2023 u impenjat ruħha li tieħu azzjoni biex teżamina l-opportunità li tieħu inizjattiva leġiżlattiva, li tibda valutazzjoni tal-impatt u ttejjeb l-istatistika rilevanti, kif ukoll li tinvolvi ruħha mal-imsieħba internazzjonali.

    • Sit web tal-inizjattiva: https://www.stop-finning-eu.org
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: https://citizens-initiative.europa.eu/initiatives/details/2020/000001_mt
    Logo
  • NIPPREŻERVAW IL-KOŻMETIĊI LI MA JINVOLVUX KRUDELTÀ – NIMPENJAW RUĦNA GĦAL EWROPA MINGĦAJR L-ITTESTJAR FUQ L-ANNIMALI>1,21 miljun firma

    Peress li ma nżammitx il-wegħda ta’ Ewropa li fiha l-annimali ma jibqgħux ibatu u jmutu minħabba l-kożmetiċi, l-organizzaturi ta’ din l-inizjattiva appellaw għal bidla leġiżlattiva biex tiġi protetta u msaħħa l-projbizzjoni tal-ittestjar fuq l-annimali fil-kożmetiċi, tiġi ttrasformata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u tiġi mmodernizzata x-xjenza biex jiġi eliminat gradwalment l-ittestjar kollu fuq l-annimali fl-UE. Il-Kummissjoni laqgħet l-inizjattiva, appoġġjata minn 1 217 916 firma, irrikonoxxiet li t-trattament xieraq tal-annimali jibqa’ tħassib serju għaċ-ċittadini Ewropej u enfasizzat ir-rwol ewlieni tal-UE fis-suġġett. Ser tniedi pjan direzzjonali ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi biex ikompli jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali u fl-aħħar mill-aħħar tinkiseb sistema regolatorja li tkun kontra l-użu tal-annimali b’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.

    • Sit web tal-inizjattiva: Save Cruelty Free Cosmetics | Cruelty Free Europe
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: https://citizens-initiative.europa.eu/initiatives/details/2021/000006_mt
    Logo
  • FUR FREE EUROPE >1,5 miljun firma

    Din l-inizjattiva, appoġġjata minn 1 502 319 firma vverifikata, ġiet ivvalidata f’Ġunju 2023 bħala l-10 IĊE li għamlet suċċess. L-inizjattiva Fur Free Europe għandha l-għan li tipprojbixxi t-trobbija ta’ annimali għall-pil u l-prodotti magħmula mill-pil ta’ dawn l-annimali mis-suq Ewropew bil-liġi minħabba l-prattiki krudili, mhux etiċi, mhux sikuri u mhux sostenibbli tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tirrevedi l-inizjattiva u għandha tweġibha sa nofs Diċembru 2023.

    • Sit web tal-inizjattiva: https://furfreeeurope.eu
    • Reġistru uffiċjali tal-IĊE: https://europa.eu/citizens-initiative/initiatives/details/2022/000002_mt
    Logo
  • L-ILMA: DRITT TAL-BNIEDEM
  • MOVIMENT FAVUR IL-ĦAJJA: WIEĦED MINNA
  • NIPPROTEĠU L-ANNIMALI: LE GĦALL-VIVISEZZJONI
  • NIPPROJBIXXU L-PESTIĊIDI: PROJBIZZJONI TAL-GLIFOSAT
  • MINORITY SAFEPACK: INĦARSU D-DIVERSITÀ FL-EWROPA
  • END THE CAGE AGE: NIMMIRAW GĦAL BENESSRI AKBAR TAL-ANNIMALI
  • INWAQQFU L-ESTREMIŻMU: NAPPOĠĠJAW ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM FL-UE
  • POLITIKA TA’ KOEŻJONI GĦALL-UGWALJANZA BEJN IR-REĠJUNI U S-SOSTENIBBILTÀ TAL-KULTURI REĠJONALI
  • INSALVAW LIN-NAĦAL U LILL-BDIEWA!
  • WAQQAF IT-TNEĦĦIJA TAL-PINEN TAL-KLIEB IL-BAĦAR
  • NIPPREŻERVAW IL-KOŻMETIĊI LI MA JINVOLVUX KRUDELTÀ
  • FUR FREE EUROPE
 Itla’ ’l fuq
 Niżżel il-passaport f’format ta’ fuljett
Passaport għad-DemokrazijaEwropea
Logo EESC
Aqsam
link għal facebook link għal x/twitter link għal linkedin link għal youtube link għal instagram
Ikkuntattjana
 
Dritt tal-awtur © Unjoni Ewropea 2024 | L-aħħar aġġornament: 01/03/2024
Ħajr | Avviż legali

ECI Checklist

Niżżel il-PDF u stampah ECI Checklist The ECI Campaign

More info: www.eesc.europa.eu/eci

ECI Register: https://europa.eu/citizens-initiative

Niżżel il-PDF u stampah
Itla’ fuq nett