Merħba fl-Unjoni Ewropea (UE), l-ewwel demokrazija transnazzjonali u parteċipattiva tad-dinja
Bħala ċittadin/a tal-UE, inti għandek id-dritt kostituzzjonali li tinfluwenza r-regoli li japplikaw għal kważi 450 miljun persuna fuq żona ta’ aktar minn 4 miljun km2 f’27 pajjiż. Issa jaf tgħid: tajjeb ħafna, iżda KIF nista’ nsemma’ leħni fil-prattika? Dan il-passaport elettroniku mfassal mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iwieġeb din il-mistoqsija. Din hija l-gwida tiegħek għal ċittadinanza attiva fl-UE.
F’dan it-test, se ssib għajnuna u gwida dwar kif issemma’ leħnek billi l-ewwel tistaqsi xi mistoqsijiet bażiċi. Il-ħaġa li tixtieq tindirizza hija ġenwinament kwistjoni Ewropea – jew forsi jkun aħjar li tibda fil-livell lokali minflok? U jekk se tindirizza l-idea tiegħek fil-livell Ewropew, liema hu l-aktar mod sinifikanti u ta’ suċċess biex jirnexxilek tagħmel dan? Ikun biżżejjed li sempliċement tibgħat email lill-Membru tal-Parlament Ewropew tiegħek – jew forsi tressaq petizzjoni direttament quddiem il-Parlament Ewropew? Għax ma tingħaqadx ma’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili jew saħansitra ma’ partit politiku u tikkontesta elezzjoni inti stess? Jew forsi tista’ torganizza u tappoġġja Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej biex tistabbilixxi l-aġenda għal-leġiżlazzjoni?
Din il-gwida hija mfassla biex tgħinek fil-kwistjonijiet relatati maċ-ċittadinanza attiva u d-demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea: iż-żmien opportun (meta għandek issir attiv?), it-timijiet (ma’ min għandek tissieħeb?), u l-għodod (liema strument parteċipattiv disponibbli għandek tuża?).
Barra minn hekk, din il-verżjoni elettronika toffri biżżejjed elementi interattivi addizzjonali: links rapidi, kwiżżijiet u infografika li juru l-informazzjoni u jgħarrfuk mad-daqqa t’għajn dwar drittijietek bħala ċittadin/a.