Merħba fis-sit elettroniku tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-għan tagħna huwa li ninfurmaw lill-organizzazzjonijiet, lill-istituzzjonijiet u lill-pubbliku dwar ir-rwol u l-attivitajiet tal-KESE.
|
Il-KESE huwa korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea. Imwaqqaf fl-1957, dan il-korp jagħti parir espert lill-istituzzjonijiet il-kbar tal-UE (il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew). Aħna nagħmlu dan billi nħejju “opinjonijiet” dwar leġislazzjoni proposta mill-UE u “opinjonijiet fuq inizjattiva proprja” dwar kwistjonijiet li, fil-fehma tagħna, għandhom jiġu indirizzati. Wieħed mill-kompiti prinċipali tagħna huwa li naġixxu bħala “pont” bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u “s-soċjetà ċivili organizzata”. Aħna ngħinu nsaħħu r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili billi nidħlu fi “djalogu strutturat” ma’ dawn il-gruppi kemm fl-Istati Membri u kemm f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.
Il-membri tagħna jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ interessi ekonomiċi, soċjali u kulturali f’pajjiżhom. Hemm tliet gruppi ta’ membri: “Min Iħaddem”, “Impjegati” u “Interessi Varji” (jiġifieri bdiewa, konsumaturi, ambjentalisti, organizzazzjonijiet tal-familja, NGOs, eċċ.). B’hekk huma jaġixxu bħala pont bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri.
F’dan is-sit tista’ tikkonsulta l-opinjonijiet kollha tal-KESE li ġew ippubblikati minn Jannar 1990 ’l hawn. Hawnhekk tista’ ssib ukoll informazzjoni dwar il-membri tagħna u kif jaħdmu, dwar il-laqgħat u s-seduti organizzati mill-Kumitat u dwar is-segretarjat tal-KESE. Fis-sit hemm ukoll sezzjonijiet apparti b’informazzjoni għall-mezzi tax-xandir u bl-offerta ta’ opportunitajiet għalikom, bħala membri tal-pubbliku.

Wara din il-paġna tal-bidu bil-Malti, tistgħu żżuru dan is-sit biss bl-Ingliż (EN) jew bil-Franċiż (FR). Madankollu, kull dokument uffiċjali tal-KESE jista’ jiġi kkonsultat fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. F’qiegħ din il-paġna ssibu għażla ta’ links għal kontenut li huwa bil-Malti jew b’ħafna lingwi uffiċjali tal-UE.
Nixtiqulkom żjara pjaċevoli!
Preżentazzjoni:
Links:
Verżjoni tas-sit bl-Ingliż –Verżjoni tas-sit bil-Franċiż - Lura għall-għażla tal-lingwa