Grupp ta’ Studju Tematiku dwar l-Inklużjoni tar-Rom

Il-persuni Rom huma l-akbar minorità etnika fl-UE bi stima tal-popolazzjoni ta’ madwar sitt miljun ruħ. Ħafna għadhom jiffaċċjaw preġudizzju, intolleranza, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, għalkemm ilhom jagħmlu parti integrali miċ-ċivilizzazzjoni Ewropea għal aktar minn elf sena. Il-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (NRIS) u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri jippromovu l-inklużjoni attiva tagħhom u jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-inklużjoni tar-Rom. Il-maġġoranza tal-Istati Membri issa adottaw l-NRIS.

L-evidenza dwar is-sitwazzjoni tar-Rom fir-rigward tal-impjieg, l-edukazzjoni, is-settur tal-abitazzjoni u s-saħħa, li ngħatat mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, turi li l-progress fl-implimentazzjoni tal-NRIS kien kajman. Jippersistu d-diskriminazzjoni u s-sentimenti kontra ż-żingari u s-segregazzjoni de facto fis-settur tal-abitazzjoni u l-edukazzjoni għadha taffettwa il-maġġoranza tar-Rom.

Il-KESE waqqaf Grupp ta’ Studju Tematiku dwar l-Inklużjoni tar-Rom, magħmul minn 9 membri minn diversi sezzjonijiet tal-KESE li jkopru oqsma ta’ politika differenti u li jirrappreżentaw lill-Gruppi ta' Min Iħaddem, tal-Ħaddiema , - u Diversità Ewropa. L-għanijiet ta’ dan il-grupp huma li:

  • jiġbru l-fehmiet tas-soċjetà ċivili dwar l-implimentazzjoni tal-NRIS u jippromovu l-kontribut attiv tagħhom,
  • jipprovdu opportunitajiet għas-soċjetà ċivili biex jinstemgħu, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tar-Rom, u biex jidentifikaw u jaqsmu prattiki tajba,
  • jirrappurtaw u joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar l-inklużjoni tar-Rom.