You are here

Ir-Round Table bejn l-UE u ċ-Ċina

Il-KESE bena u żamm relazzjonijiet mal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ċiniż minn mindu dan twaqqaf fl-2001. Fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Presidenti taż-żewġ Kumitati, li ġiet approvata f’Lulju 2002 f’Beijing, ġie miftiehem li ż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom f’konsultazzjoni, djalogu u riċerka fuq kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali ta’ interess komuni kif ukoll kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, bil-għan li jiġu promossi l-iżvilupp ekonomiku u l-progress soċjali kemm fiċ-Ċina kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.

Ir-Round Table

Id-9 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, li sar f’Helsinki fid-9 ta’ Settembru 2006, irrikonoxxa li l-iskambju u l-kooperazzjoni bejn il-KESE u Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ċiniż jiffurmaw parti integrali mir-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina u inkoraġġixxa l-istabbiliment ta’ Round Table regolari bil-għan li tgħin biex tissaħħaħ u tiġi żviluppata s-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina. F’Ġunju 2007, saret l-ewwel laqgħa tar-Round Table f’Beijing. Sa minn dakinhar din isservi ta’ pjattaforma għad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina.

Ir-Round Table tinkludi membri minn kull naħa u hija kopreseduta mill-Presidenti tal-KESE u tal-KES Ċiniż. Tiltaqa’ b’mod regolari, mill-inqas darba fis-sena, darba fiċ-Ċina u darba fl-UE. Taħdem abbażi ta’ kontributi bil-miktub fuq suġġetti magħżula b’mod konġunt, li jitressqu għad-diskussjoni mir-relaturi matul il-laqgħat tar-Round Table. Fl-għeluq ta’ kull laqgħa tar-Round Table, tiġi adottata dikjarazzjoni konġunta li tiġbor fil-qosor ir-riżultati tat-taħditiet u li sussegwentement titressaq quddiem l-awtoritajiet politiċi fl-UE u fiċ-Ċina.

Grupp ta’ Kuntatt maċ-Ċina

Grupp ta’ Kuntatt li jaġixxi bħala kumitat ta’ tmexxija għar-Round Table, jiltaqa’ b’mod regolari biex jipprepara s-sessjonijiet tar-Round Table u jżomm il-kuntatt mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.