Il-Grupp Konsultattiv Domestiku UE-Amerika Ċentrali

This page is also available in

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u r-reġjun tal-Amerika Ċentrali huma stabbiliti minn Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ffirmat f’Ġunju 2012. Dan il-ftehim ikopri, fost l-oħrajn, il-kummerċ, id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni. Il-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali involuti huma l-Panama, il-Gwatemala, il-Costa Rica, El Salvador, il-Honduras u n-Nikaragwa.

Il-pilastru kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali daħal fis-seħħ fl-2013 u jinkludi Titolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, l-impenji tal-Partijiet rigward kwistjonijiet relatati max-xogħol u l-ambjent li huma importanti għar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom u l-għan ġenerali tal-appoġġ lill-iżvilupp sostenibbli. Dawn l-impenji jinkludu, fost l-oħrajn, l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u ftehimiet ambjentali multilaterali bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES).

Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE u l-Amerika Ċentrali impenjaw ruħhom li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u tal-ambjent fil-leġislazzjoni domestika tagħhom, biex ifittxu jtejbu l-liġijiet u l-politiki f’dawn l-oqsma, u biex ma jbaxxux dawn il-livelli bil-għan li jiġbdu lejhom il-kummerċ jew l-investiment. Esprimew ukoll ir-rieda tagħhom li jikkooperaw f’oqsma relatati mal-kummerċ u, rispettivament, ix-xogħol, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Dan jinkludi l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-investiment fit-teknoloġiji u s-servizzi ambjentali, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-prodotti effiċjenti fl-enerġija kif ukoll tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) u l-kummerċ ta’ prodotti soġġetti għal skemi etiċi jew ta’ kummerċ ġust. Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi wkoll aspetti tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi forestali li jkunu relatati mal-kummerċ, il-promozzjoni tas-sajd sostenibbli u oqsma rilevanti oħra.

Il-Partijiet impenjaw ruħhom ukoll li jissorveljaw l-impatt tal-Ftehim.

Grupp Konsultattiv Domestiku min-naħa tal-UE

It-Titolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali jipprevedi li kull waħda mill-partijiet tistabbilixxi Grupp Konsultattiv ġdid, jew tikkonsulta wieħed eżistenti, dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (l-ambjent u x-xogħol), bil-kompitu li jesprimi ideat u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar aspetti tal-iżvilupp sostenibbli relatati mal-kummerċ u li jagħti pariri lill-Partijiet dwar kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-għanijiet ta’ dan it-Titolu. Il-Grupp Konsultattiv għandu jinkludi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rappreżentattivi indipendenti b’rappreżentanza bbilanċjata ta’ partijiet ikkonċernati ekonomiċi, soċjali, u ambjentali, inklużi, fost l-oħrajn, organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-ħaddiema, assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, organizzazzjonijiet mhux governattivi u awtoritajiet lokali.

Laqgħat konġunti

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali jistipula li l-Partijiet jorganizzaw u jiffaċilitaw Forum bireġjonali għad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili, b’rappreżentanza bbilanċjata ta’ partijiet ikkonċernati ekonomiċi, soċjali, u ambjentali. L-iskop tiegħu huwa li jipprovdi qafas għal djalogu miftuħ dwar l-aspetti relatati mal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet, kif ukoll għal diskussjonijiet dwar kif il-kooperazzjoni tista’ tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan it-Titolu. Il-Forum għad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili għandu jiltaqa’ darba fis-sena sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Kull laqgħa tal-Bord Intergovernattiv dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli għandha tinkludi sessjoni ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bil-għan li tiġi diskussa l-implimentazzjoni ta’ dan it-Titolu.

B’żieda ma’ dan, il-Gruppi Konsultattivi mill-UE u l-Amerika Ċentrali qablu li jorganizzaw laqgħat konġunti annwali organizzati b’mod konsekuttiv mal-laqgħat tal-Forum għad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili. Dawn il-laqgħat konġunti jipprovdu qafas adegwat għal diskussjonijiet strutturati u fil-fond fuq firxa wiesgħa ta’ aspetti relatati mal-implimentazzjoni tat-Titolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli. Jippermettu wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni u prattika tajba f’oqsma relatati u t-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti bil-għan li jiġu ppreżentati lill-Partijiet u lill-Forum għad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili.

Downloads

Rules of procedure of the EU Advisory Group created pursuant to Title VIII (Article 294) of the EU-Central America Association Agreement

EU-Central America EU DAG composition

Decent work and compliance with ILO standards

Business opportunities and challenges

Corporate social responsibility