You are here

Grupp ta’ Studju Temporanju dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali

Il-Grupp ta’ Studju Temporanju dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-aċċess taċ-ċittadini Ewropej għal servizzi ta’ interess ġenerali ta’ kwalità għolja u affordabbli, li huma komponent ewlieni tas-sistemi ekonomiċi, soċjali u legali Ewropej u li huma pilastru importanti tal-mudell soċjali Ewropew u tal-ekonomija soċjali tas-suq.

Is-settur pubbliku għandu responsabbiltà politika u finanzjarja ċara li jikkoordina l-forniment tas-servizzi ta’ interess ġenerali. Mhuwiex xieraq li din ir-responsabbiltà titħalla biss f’idejn il-forzi tas-suq. L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u b’mod partikolari l-intrapriżi soċjali wrew il-kapaċitajiet tagħhom fil-provvediment ta’ servizzi eċċellenti ta’ interess ġenerali.

Sabiex jiġi promoss ir-rwol dejjem akbar tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u tal-intrapriżi soċjali, ser tinħtieġ evalwazzjoni tal-istatus tas-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali. Dan il-proċess jgħin fl-identifikazzjoni ta’ dawk is-setturi fejn is-suq ħieles huwa partikolarment dgħajjef u fejn il-finanzjament pubbliku jinħtieġ l-iżjed.

Il-Grupp ta’ Studju Temporanju qed jiffoka xogħlu wkoll fuq il-potenzjal tas-servizzi ta’ interess ġenerali biex tingħata spinta lit-tkabbir, jinħolqu impjiegi sostenibbli u tiġi promossa l-kompetittività. F’dan ir-rigward, is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN) wettqet studju dwar “Reviżjoni tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-provvediment tal-għajnuna mill-Istat għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” .