Grupp ta’ Studju Temporanju dwar l-Aġenda Diġitali

This page is also available in

L-għan tal-Grupp ta’ Studju Temporanju dwar l-Aġenda Diġitali huwa li jikkontribwixxi għall-ħidma tas-sezzjonijiet fl-oqsma speċifiċi tal-attività tagħhom. Jissorvelja mill-qrib il-programm Ewropa Diġitali għall-QFP li jmiss, li l-għan tiegħu huwa li jagħmel lill-Ewropa attur ewlieni fid-diġitalizzazzjoni, iżid is-saħħa ekonomika u l-kompetittività tagħha fix-xena dinjija u jsawwar it-trasformazzjoni diġitali b’mod pożittiv għall-Ewropej kollha. Il-programm jinkludi ħames objettivi speċifiċi: informatika ta’ prestazzjoni għolja, intelliġenza artifiċjali, ċibersigurtà, taħriġ u edukazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet u s-servizzi pubbliċi.

Il-Grupp ta’ Studju Temporanju dwar l-Aġenda Diġitali se jiffoka fuq l-aspetti speċifiċi li ġejjin:

  • eżempji pożittivi ta’ teknoloġija moderna, b’mod partikolari kif in-nies jitpoġġew fil-qalba tal-innovazzjoni;
  • l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq ix-xogħol, l-impjieg, il-kwalifiki u l-ħiliet;
  • rakkomandazzjonijiet dwar kif jista’ jkun possibbli impatt pożittiv tad-diġitalizzazzjoni f’dawn l-oqsma;
  • modi ġodda ta’ valutazzjoni tal-kwalità tal-interazzjoni bejn il-bniedem u l-magna;
  • l-impatt ta’ robots kollaborattivi għal popolazzjoni diversa;
  • ċentri ta’ innovazzjoni diġitali bħala appoġġ diġitali għall-SMEs;
  • l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq it-trasport: karozzi elettriċi, karozzi awtonomi, parkeġġ, bliet intelliġenti, sistemi tat-trasport intermodali u l-ekonomija kollaborattiva.

Minħabba li d-diġitalizzazzjoni hija kwistjoni trasversali, il-Grupp ta’ Studju Temporanju dwar l-Aġenda Diġitali jikkoopera fuq bażi ta’ każ b’każ ma’ gruppi ta’ studju temporanji, osservatorji, kategoriji u gruppi ad hoc oħra.