Grupp ta’ Studju Temporanju dwar il-Komunità Ewropea tal-Enerġija

This page is also available in

Il-Grupp ta’ Studju Temporanju dwar il-Komunità Ewropea tal-Enerġija jmexxi l-aġenda tal-KESE dwar kwistjonijiet tal-enerġija fuq żewġ binarji ewlenin:

Il-promozzjoni tal-involviment tas-soċjetà ċivili fi kwistjonijiet tal-enerġija permezz tad-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija

Il-KESE jirrakkomanda rwol b’saħħtu għas-soċjetà ċivili sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni tal-enerġija b’suċċess. Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni tagħha żżid is-sjieda, ittejjeb il-proċess u tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE. Għal dan il-għan, il-KESE qed jippromovi l-idea ta’ Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija. Djalogu bħal dan huwa intiż li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati kollha jifhmu l-isfidi tal-enerġija u l-kompromessi relatati, jieħdu azzjoni individwalment u jikkontribwixxu għall-għażliet tal-politika tal-enerġija filwaqt li jqisu l-perspettiva globali fir-rigward tal-isfidi pan-Ewropej u s-soluzzjonijiet possibbli. Biex jippromovu djalogu bħal dan, il-membri tal-Grupp ta’ Studju Temporanju jorganizzaw seduti u konferenzi, inklużi avvenimenti marbuta mar-rapporti annwali dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija (2015, 2016), jgħinu fit-tfassil ta’ Opinjoni annwali dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija (2015, 2016), u jipparteċipaw b’mod attiv f’avvenimenti minn organizzazzjonijiet esterni, bħall-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija, il-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari, u l-Forum dwar l-Infrastruttura tal-Enerġija.

Il-promozzjoni ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet tal-enerġija

L-Istati Membri tal-UE qegħdin isiru dejjem aktar interdipendenti mil-lat tekniku u politiku u waħedhom bilkemm jistgħu jissodisfaw b’suċċess u b’mod kosteffettiv l-għanijiet tagħhom tal-enerġija. Għalhekk, il-KESE jippromovi koordinazzjoni aktar b’saħħitha, b’mod partikolari dwar il-grilji u d-disinn tas-suq. Il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon il-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija tal-Kummissjoni Ewropea u jkompli jinvolvi ruħu fih permezz tal-Opinjonijiet speċifiċi għas-settur u trasversali u s-eduti pubbliċi tiegħu.