Grupp ta’ Studju Tematiku dwar il-Governanza Ekonomika u Baġitarja taż-Żona tal-Euro

Minħabba l-kuntest ekonomiku diffiċli matul dawn l-aħħar snin, fejn saret evidenti l-ħtieġa li tissaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), il-KESE enfasizza bil-qawwa t-titjib tal-mekkaniżmi ta’ governanza ekonomika u politika għaż-żona tal-euro u l-Istati Membri li huma lesti li jingħaqdu magħha.

Wieħed minn dawn il-mekkaniżmi huwa r-rakkomandazzjoni annwali tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro – dokument ta’ importanza strateġika fi ħdan is-Semestru Ewropew, li jipprovdi linji gwida għall-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tagħhom. Abbażi ta’ dan id-dokument, il-KESE regolarment ifassal Opinjonijiet b’fokus speċifiku fuq il-prijoritajiet baġitarji, ekonomiċi, soċjali u finanzjarji prinċipali taż-żona tal-euro u tal-UE kollha kemm hi. Fil-kuntest tal-kriżi tas-saħħa, ekonomika u soċjali kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, dawn il-prijoritajiet huma mmirati b’mod ċar lejn li jgħinu lill-Istati Membri jiġġieldu l-pandemija u jiżguraw irkupru ekonomiku rapidu u sostenibbli.

Biex tkun żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-KESE f’dan il-qasam, ġie stabbilit grupp ta’ studju tematiku dwar il-governanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro. Il-grupp jaħdem taħt il-patroċinju tas-Sezzjoni ECO u jissejjaħ biex jabbozza l-Opinjonijiet tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro bħala segwitu, jew b’antiċipazzjoni, tal-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet taż-żona tal-euro ppubblikati mill-Kummissjoni.