Il-Grupp Konsultattiv Domestiku UE-Repubblika tal-Korea

Grupp Konsultattiv Domestiku UE-Repubblika tal-Korea taħt il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea daħal fis-seħħ f’Lulju 2011 bħala l-ewwel ftehim ta' kummerċ ħieles konkluż mill-UE li jinkludi kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, jiġifieri l-impenji tal-Partijiet fil-qasam tax-xogħol u l-materji b’rabta mal-ambjent huma ta’ importanza għar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Pereżempju, il-Partijiet se jagħmlu sforzi kontinwi u sostnuti sabiex jirratifikaw il-bqija tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u se jimplimentaw b’mod effettiv il-konvenzjonijiet diġà ratifikati mill-Korea u l-Istati Membri tal-UE rispettivament.

Bl-istess mod, il-Partijiet se jimplimentaw b’mod effettiv, fil-liġijiet u l-prattiki tagħhom, il-ftehimiet ambjentali multilaterali li tagħhom ikunu parti.

L-UE u l-Korea impenjaw ruħhom ukoll sabiex ma jbaxxux l-istandards ħalli jattiraw il-kummerċ jew l-investiment u esprimew ir-rieda li jikkooperaw f’oqsma relatati mal-iżvilupp sostenibbli. Dan jinkludi l-iffaċilitar tal-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi ambjentali, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli u tal-prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) u tal-kummerċ ta’ prodotti soġġetti għal skemi etiċi jew ta’ kummerċ ġust. Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi wkoll aspetti relatati mal-kummerċ tal-bijodiversità, il-promozzjoni ta’ sajd sostenibbli, l-indirizzar tal-problema tal-qtugħ illegali tas-siġar jew il-kooperazzjoni dwar aspetti relatati mal-kummerċ tal-politika dwar it-tibdil fil-klima.

Il-Partijiet impenjaw ruħhom ukoll biex jissorveljaw l-impatti tal-Ftehim.

Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE

Il-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea jipprevedi li kull waħda mill-partijiet tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Domestiku dwar l-iżvilupp sostenibbli (l-ambjent u x-xogħol), bil-kompitu li jagħti pariri dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-kapitolu. Il-Grupp Konsultattiv Domestiku għandu jkun magħmul minn organizzazzjonijiet indipendenti rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili abbażi ta’ rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-ambjent, tax-xogħol u tal-intrapriżi, kif ukoll ta’ partijiet interessati oħrajn.

Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Korea

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea jipprevedi wkoll li l-membri tal-Grupp Konsultattiv Domestiku ta’ kull Parti se jiltaqgħu flimkien f’Forum tas-Soċjetà Ċivili sabiex imexxu djalogu li jinkludi l-aspetti tal-iżvilupp sostenibbli tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Partijiet. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiltaqa’ darba fis-sena sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, bil-post li jalterna bejn Brussell u Seoul.

Downloads

Rules of procedure of the EU Domestic Advisory Group created pursuant to Chapter 13 (Article 13.12) of the EU-Korea Free Trade Agreement