Grupp ad hoc tas-Semestru Ewropew

This page is also available in

Il-Grupp ad hoc tas-Semestru Ewropew inħoloq fl-2017 minħabba l-importanza dejjem tikber tas-Semestru. Huwa korp orizzontali li jsaħħaħ u jappoġġja l-ħidma mwettqa mis-sezzjonijiet tal-KESE. Jiffoka fuq li janalizza proposti mis-soċjetà ċivili Ewropej dwar it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, u b'hekk jiġi żgurat kontribut kontinwu tal-KESE għaċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew.

Is-Semestru Ewropew, li fil-bidu kien ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika, bil-mod il-mod ġie kkomplementat minn azzjonijiet ibbażati fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll it-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Fid-dawl tal-pandemija, is-Semestru jaqdi rwol importanti biex jiġi żgurat irkupru soċjoekonomiku rapidu u biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv f’konformità mal-istrateġija l-ġdida dwar it-tkabbir abbażi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-kunċett tas-sostenibilità kompetittiva. Ir-rwol tas-Semestru ser ikompli jikber fid-dawl tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza proposta. Fost affarijiet oħra, il-Faċilità għandha tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw sfidi identifikati fil-qafas tas-Semestru. L-appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri ser ikun jiddependi mir-rispett tar-rakkomandazzjonijiet li saru fil-qafas tas-Semestru. Id-daqs tal-ammonti involuti u l-orjentazzjoni l-ġdida tal-eżerċizzju tas-Semestru jagħmlu minn dan kompitu importanti, li jeħtieġ impenn sinifikanti mill-Grupp tas-Semestru Ewropew. Ir-riżultati tad-diskussjonijiet tagħna ser jikkontribwixxu għall-Opinjonijiet tagħna, li jitfasslu b'mod regolari fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, b'mod notevoli l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli.

Biex ikun possibbli l-proċess tar-riforma tal-ekonomija u tas-soċjetà hija meħtieġa l-parteċipazzjoni tal-Ewropej kollha, permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Permezz tal-attivitajiet tiegħu, jiġifieri tħejjija ta’ opinjonijiet, żjarat fil-pajjiżi, u organizzazzjoni ta’ laqgħat/konferenzi, il-Grupp tas-Semestru Ewropew jgħin jagħti kwalità lill-proċess, itejjeb il-leġittimità tiegħu u jikkontribwixxi biex iżid il-valur permezz ta’ sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha, definizzjoni aħjar tal-prijorità, implimentazzjoni aktar effiċjenti u żieda fis-sensibilizzazzjoni nazzjonali. B'konformità ma' dan, il-Grupp tas-Semestru Ewropew beħsiebu jkompli l-ħidma importanti tiegħu sabiex jiġbor, ixerred u jippromovi l-fehmiet ta' politika tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, billi jwettaq żjarat regolari fil-pajjiżi differenti u billi jipparteċipa f'forums ta' diskussjoni.

Għall-aħħar aġġornamenti dwar l-attivitajiet tal-Grupp tas-Semestru Ewropew, jekk jogħġbok ikkonsulta d-dokumenti li jinsabu fuq ix-xelluq.