Rokna għall-involviment taż-żgħażagħ

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jemmen li l-futur tal-Ewropa jinsab fl-ideat u l-immaġinazzjoni taż-żgħażagħ u jimpenja ruħu li jiżgura l-involviment taż-żgħażagħ fir-rigward tal-prijoritajiet politiċi u l-ħidma mwettqa.
Huwa għalhekk li l-Kumitat jorganizza diversi avvenimenti speċifikament għaċ-ċittadini żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea. Minn naħa, dawn joffru liż-żgħażagħ l-opportunità li jespandu l-għarfien tagħhom, iżda jippermettu wkoll lill-KESE jibbenefika mill-ideat u l-ispirazzjoni taż-żgħażagħ.

F’dan ir-rigward, il-KESE mhux biss laqa’ l-fatt li l-2022 intgħażlet bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, iżda appella għal pjani ċari fir-rigward tal-impenji tal-istituzzjonijiet, b’mod li jikkontribwixxu għall-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, b’enfasi li jinkisbu riżultati konkreti għaż-żgħażagħ Ewropej kollha.  

Nistednuk tagħti ħarsa lejn uħud mill-aktar proġetti importanti tagħna għaż-żgħażagħ fir-Rokna għall-involviment taż-żgħażagħ.



L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! (YEYS)

Minn mindu beda jiġi organizzat fl-2010, l-avveniment annwali L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!(YEYS) dejjem ipprovda l-opportunità ideali biex iż-żgħażagħ jitlaqqgħu flimkien biex jikkontribwixxu l-ideat, l-opinjonijiet u l-viżjoni tagħhom għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.

Kull sena, jintgħażlu suġġetti li huma ta’ importanza kbira għall-ħajja taż-żgħażagħ, iżda wkoll għall-futur tal-Ewropa kollha kemm hi. Din is-sena L-Ewropa Tiegħek, Leħnek saret taħt it-titolu Il-Verità dwar il-Gideb.Iż-żgħażagħ jiġġieldu d-diżinformazzjoni.

Diagram

Description automatically generated with medium confidence

99 student żagħżugħ u żagħżugħa u 44 għalliem u għalliema minn pajjiżi differenti ngħaqdu flimkien biex jaqsmu ideat, jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ ħidma u jiddiskutu kif jindirizzaw id-diżinformazzjoni b’mod aktar effettiv u jedukaw aħjar lilhom infushom, lill-pari tagħhom u lill-oħrajn.

Skopri aktar HAWN!


Ħidma tal-KESE fil-livell leġiżlattiv

Minbarra l-avvenimenti għaż-żgħażagħ, il-KESE jippromovi wkoll l-involviment taż-żgħażagħ matul il-ħidma leġiżlattiva tiegħu. (Aktar informazzjoni dwar l-Opinjonijiet tal-KESE). Il-KESE ħareġ Opinjoni dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, li fiha jenfasizza l-importanza tal-ħidma maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u biex din is-Sena tkun marbuta qrib mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, b’mod partikolari mad-dimensjoni transsettorjali tal-politika dwar iż-żgħażagħ.

Il-KESE reċentement ikkonkluda wkoll Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Kif jiġi ggarantit xogħol deċenti għaż-żgħażagħ u tiġi żgurata l-inklużjoni taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) permezz tal-iżvilupp adatt ta’ Pjani Nazzjonali ta’ Rkupru. Din l-Opinjoni tħeġġeġ l-użu tal-fondi ta’ rkupru f’investimenti biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ, b’enfasi fuq kuntratti permanenti u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti.

Il-KESE bħalissa qed jaħdem fuq Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE, li fiha għandu l-għan li jiżviluppa għodda għall-valutazzjoni tal-impatt fuq iż-żgħażagħ, li l-UE tista’ tuża biex tiżgura li l-proposti leġiżlattivi Ewropej kollha jkollhom impatt pożittiv fuq iż-żgħażagħ.


Round Tables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà

F’konformità mal-adozzjoni tal-Opinjoni tal-KESE “Lejn involviment strutturat min-naħa taż-żgħażagħ dwar il-klima u s-sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE”, f’Lulju 2021, tnedew ir-Round Tables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà.

Ir-Round Tables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà – li jsiru mill-inqas darbtejn fis-sena fi Brussell – jiġu ospitati mill-KESE f’kooperazzjoni mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, Generation Climate Europe u l-Kummissjoni Ewropea. X’jagħmilhom speċjali? Dawn jipprovdu spazju għaż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fi djalogi regolari, strutturati u sinifikanti ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE.

Kull Round Table taż-Żgħażagħ għandha suġġett speċifiku, li jiġi diskuss fi ħdan grupp ta’ madwar 10 rappreżentanti taż-żgħażagħ u l-Kummissarju responsabbli għas-suġġett magħżul. Wara kull avveniment, il-parteċipanti jabbozzaw dokument b’xi domandi konkreti tal-politika biex jippreżentawhom lill-Kummissarju involut, li jipprovdi tweġiba ċara bil-miktub għall-proposti fix-xahar ta’ wara.

S’issa, saru ż-żewġ Round Tables taż-Żgħażagħ li ġejjin:

Round Table taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà # 1

 

Fit-13 ta’ Lulju 2021, sar avveniment ta’ tnedija mal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans.

 

Round Table taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà # 2

Lejn l-aħħar tas-sena, fis-26 ta’ Novembru 2021, saret it-tieni Round Table dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà mal-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičius.