Reġistrazzjoni u għażla
Nixtieq nirreġistra għal dan l-avveniment. X’għandi nagħmel?
L-iskejjel u/jew l-għalliema jridu jimlew formola ta’ reġistrazzjoni. Dan ifisser li huwa biss il-prinċipal tal-iskola jew l-għalliem li jixtieq jipparteċipa li jista’ jissottometti l-applikazzjoni tiegħu, f’isem l-iskola. Id-data tal-għeluq se tkun ippubblikat fuq is-sit web ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”.
L-istudenti jistgħu jirreġistraw l-iskola tagħhom b’mod indipendenti?
L-istudenti ma jistgħux jirreġistraw l-iskola tagħhom huma stess, u lanqas ma jistgħu japplikaw individwalment.
Kemm ser ikunu jistgħu jieħdu sehem skejjel fl-eżerċizzju u kif ser jintgħażlu?
L-iskejjell se jittellgħu bix-xorti minn fost dawk li jkunu rreġistraw fuq is-sit web sad-data tal-għeluq imħabbra. Ser tintgħażel skola waħda biss minn kull pajjiż sabiex tipparteċipa fl-avveniment fi Brussell. L-iskola se tiġi miżjura wkoll minn membru tal-KESE. L-iskejjel li ser jieħdu sehem ser jiġu infurmati individwalment u jridu jressqu l-isem tat-tliet studenti u tal-għalliem li ser jakkumpanjahom fiż-żjara lejn Brussell għall-avveniment.
X’livell ta’ għarfien tal-lingwa għandu jkollhom l-istudenti sabiex jieħdu sehem fil-workshops?
M’huwa meħtieġ l-ebda ċertifikat jew diploma li turi livell speċifiku ta’ għarfien tal-lingwa. Madankollu, l-istudenti magħżula u l-għalliema tagħhom għandhom ikunu kapaċi jesprimu ruħhom bl-Ingliż sabiex jiġu ffaċilitati l-komunikazzjoni u d-diskussjoni matul l-avveniment.
L-iskejjel kif għandhom jagħżlu l-istudenti li ser jiġu Brussell?
Kull skola hija ħielsa li tistabbilixxi l-kriterji tal-għażla tagħha stess, li għandhom ikunu ċari, ġusti u mhux diskriminatorji. Għal raġunijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, l-istudenti magħżula m’għandhomx ikunu kollha tal-istess sess (sakemm ma jkunux ġejjin minn skejjel ta’ sess wieħed). Is-sede tal-KESE huwa kompletament aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.
Kif nista’ nikkuntattja lill-organizzaturi tal-avveniment? Kif ser niġi kkuntattjat jekk tintgħażel l-iskola tiegħi?
Tista’ tikkuntattja lill-organizzaturi billi tibgħat messaġġ fuq: youreuropeeesc [dot] europa [dot] eu. L-organizzaturi ser jikkuntattjaw l-iskola permezz tal-posta elettronika. Inti għalhekk għandek tiżgura li l-indirizz tal-posta elettronika mniżżel fil-formola ta’ reġistrazzjoni huwa validu u għandek tiċċekkjah regolarment.
L-iskola tista’ tirreġistra aktar minn darba?
Jekk l-iskola tiegħek ma tkunx magħżula din is-sena, tista’ tapplika s-sena d-dieħla. Jekk l-iskola tiegħek tintgħażel għall-parteċipazzjoni, m’intix se tkun tista’ terġa’ tapplika immedjatament is-sena d-dieħla, iżda tista’ tagħmel dan aktar tard.
Profil tal-kandidati
X’inhi l-firxa tal-età għall-istudenti li jixtiequ jipparteċipaw f’L-Ewropa Tiegħek, Leħnek? Jista’ jkollhom aktar minn 18-il sena meta jseħħ l-avveniment?
Studenti li jkollhom bejn is-16 u t-18-il sena meta ssir l-applikazzjoni se jitqiesu bħala kandidati validi.
L-istudenti jistgħu, fl-aħħar sena ta’ skola sekondarja (high school), jipparteċipaw?
Aħna normalment nipproponu “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” lill-istudenti fis-sena ta’ qabel tal-aħħar għax dawk fl-aħħar sena jistgħu jkunu okkupati bl-eżamijiet tagħhom. Madankollu, peress li jiddependi mis-sistema skolastika ta’ kull pajjiż, f’każijiet speċifiċi ser nikkunsidraw il-kandidatura ta’ studenti li mhumiex fis-sena ta’ qabel tal-aħħar tal-iskola sekondarja.
Preparamenti għall-avveniment
Kif għandhom l-istudenti u l-għalliema iħejju għal dan l-avveniment?
Membru tal-KESE ser iżur l-iskejjel parteċipanti biex jispjega r-rwol tal-KESE bħala korp konsultattiv għall-istituzzjonijiet varji Ewropej, u l-involviment tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Huwa se jispjega wkoll l-istruttura tal-avveniment u x’se jkun mistenni mid-delegazzjoni tal-iskola. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membru tal-KESE ser jitħallsu mill-Kumitat.
Barra minn hekk, ser jintbagħat sett ta’ dokumenti meħtieġa għat-tħejjija fi żmien xieraq, inkluż dokument ta’ ħidma li għandu l-għan li jgħin lill-istudenti jħejju għad-diskussjonijiet fi Brussell.
L-avveniment
Kemm ser idum l-avveniment?
L-avveniment se jdum ġurnata u nofs. Id-delegazzjonijiet tal-iskejjel huma mistennija jaslu sa mhux aktar tard mill-Ħamis filgħodu u jitilqu l-aktar kmieni s-Sibt.
Min ser iħallas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni?
Il-KESE ser jagħmel l-arranġamenti u jħallas għal żewġt iljieli akkomodazzjoni fi Brussell għall-istudenti u l-għalliem tagħhom. Ser iħallas ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-konnessjoni internazzjonali bl-ajru jew bil-ferrovija minn pajjiżhom sa Brussell (inklużi, fejn meħtieġ, titjiriet ta’ konnessjoni/ferroviji ta’ konnessjoni fuq distanza twila), kif ukoll it-trasport minn/lejn l-istazzjon jew l-ajruport ta’ Brussell u l-lukanda.
L-ikliet ta’ nofsinhar u l-pranzu filgħaxija se jiġu offruti fil-bini tal-KESE waqt l-avveniment.
L-iskejjel jistgħu jagħżlu lukanda speċifika fi Brussell?
Le, il-KESE ser jikkuntattja l-iskejjel magħżula u jipproponi arranġamenti għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni.
Jistgħu l-iskejjel jixtru l-biljetti tat-titjiriet tagħhom huma stess u jiġu rimborżati wara?
Le, l-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-KESE se tipprovdi l-biljetti skont itinerarju miftiehem mal-iskejjel. L-iskejjel fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jixtru l-biljetti tagħhom stess.
Il-KESE ser jorganizza u jħallas għall-ivvjaġġar lejn/mill-istazzjon ta’ tluq jew l-ajruport f’pajjiżna stess?
Le, il-KESE mhux ser jorganizza, iħallas jew jirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar minn/lejn l-ajruport jew l-istazzjoni tat-tluq fil-pajjiż minn fejn jibda l-vjaġġ. Il-KESE ser iħallas biss il-konnessjoni internazzjonali lejn/minn Brussell (inklużi ferroviji ta’ konnessjoni u titjiriet ta’ konnessjoni jekk hemm bżonn).
Il-KESE ser iħallas għal biljett ġdid u spejjeż addizzjonali tal-lukanda, jekk nitlef il-ferrovija/it-titjira tiegħi?
Jekk titlef il-ferrovija tiegħek jew it-titjira tiegħek għal kwalunkwe raġuni oħra minbarra forza maġġuri, il-KESE mhux ser jirrimborża jew jikkumpensa u mhux ser ikopri l-ispejjeż tax-xiri ta’ biljetti ġodda, tat-tibdil tar-rotot ta’ biljetti eżistenti jew ta’ akkomodazzjoni jew sussistenza addizzjonali. Jekk jogħġbok kun ċert li tasal l-ajruport/l-istazzjon sew qabel il-ħin tat-tluq skedat. Tista’ wkoll tikkunsidra li tieħu assigurazzjoni tal-ivvjaġġar.
X’inhu r-rwol tal-għalliem li jakkumpanja lill-istudenti?
L-għalliem li jakkumpanja lill-istudenti huwa l-persuna li ser iżomm il-kuntatt bejn il-KESE u l-parteċipanti. Ser jiżgura li l-parteċipanti kollha jirċievu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa, u ser ikunu responsabbli għall-ħidma preparatorja kollha. Jekk l-għalliem jimrad jew ma jkunx jista’ għal kwalunkwe raġuni jattendi s-sessjoni, irid jiġi sostitwit minn kollega.
X’inhu r-rwol tal-għalliem li jakkumpanja lill-istudenti matul il-perjodu fi Brussell?
L-għalliema li jkunu qed jakkumpanjaw lill-istudenti ser ikollhom rwol ewlieni, u ser ikollhom ir-responsabbiltà sħiħa tal-istudenti waqt li jkunu qegħdin jivvjaġġjaw lejn/minn Brussell u waqt li jkunu qegħdin fi Brussell. Għal xi partijiet tal-programm meta l-preżenza tagħhom ma tkunx meħtieġa, il-KESE ser jorganizza attivitajiet separati għall-għalliema (żjarat kulturali, żjarat f’istituzzjonijiet oħra, eċċ.). Huwa importanti li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom bl-Ingliż.
Tista’ skola jkollha aktar minn għalliem wieħed li jakkumpanja lill-istudenti?
Il-proġett jipprevedi li t-tliet studenti jkunu akkumpanjati minn għalliem wieħed. Il-KESE għalhekk ser iħallas biss l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni għal tliet studenti u għalliem wieħed għal kull pajjiż parteċipant.