L-Opinjoni annwali tal-KESE dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija tqis il-progress li sar s’issa u tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffoka aktar fuq l-aspetti soċjali.

"L-Unjoni tal-Enerġija għad mhijiex realtà. Tista’ tkun realtà f’dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet ta’ politika tal-UE, iżda għad mhijiex realtà fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej." Din kienet il-fehma qawwija ta’ Christophe Quarez fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju, filwaqt li tenna l-argument tiegħu fl-Opinjoni – adottata mill-assemblea – li t-tranżizzjoni tal-enerġija għadha ma seħħitx fil-prattika. Qal ukoll li: “Issa li dawk li jfasslu l-politika tal-UE stabbilew il-pedamenti tal-Unjoni tal-Enerġija, għad fadal ħafna xi jsir fis-snin li ġejjin."

Il-bidla tal-format fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għall-politika tal-enerġija, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, hija essenzjali, qal is-Sur Quarez. Kellna bżonn nimxu minn “deċiżjonijiet minn ftit persuni” għal “azzjoni minn kulħadd”. “Qatt daqs illum ma seta’ jinkiseb daqshekk,” żied jgħid, “minħabba ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-klima fost iċ-ċittadini tal-UE, speċjalment iż-żgħażagħ tal-Ewropa."

Filwaqt li laqa’ bi pjaċir ir-raba’ Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea f’April 2019, il-Kumitat esprima għal darb’oħra l-appoġġ tiegħu għall-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u enfasizza l-importanza tal-impenn u l-mobilizzazzjoni tas-soċjetà Ewropea fl-intier tagħha biex tassumi sjieda sħiħa.

Iċ-ċittadini għandhom jixprunaw it-tranżizzjoni tal-enerġija u ħadd ma għandu jitħalla l-art. L-implikazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-bidliet għandhom jiġu kkunsidrati, b’patt soċjali ġdid bejn il-partijiet kollha involuti. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu wkoll għad-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha relatati mat-tibdil fil-klima, speċjalment fil-livell tal-UE, permezz ta’ djalogu taċ-ċittadini permanenti. (mp)